Isqfijiet u ġurnalisti attakkati fi Knisja fin-Nikaragwa

Il-Kardinal Leopoldo Brenes Solorzano ta’ Managua u l-Isqof Awżiljarju Silvio Baez Ortega jieħdu sehem fil-protesti kontra l-Gvern f’Diriamba nhar it-Tnejn li għadda

Isqfijiet u saċerdoti fin-Nikaragwa sfaw attakkati minn gruppi armati li huma favur il-Gvern, hekk kif kompliet tikber il-vjolenza fil-pajjiż u issa laqtet ukoll lill-Knisja Kattolika li qed tipprovdi għajnuna umanitarja fil-parroċċi u li qed tipprova ttaffi l-kriżi politika fil-pajjiż permezz tad-djalogu.

Il-Kardinal Leopoldo Solorzano ta’ Managua flimkien mal-Isqof Awżiljarju Silvio Josè Baez u l-Arċisqof Waldemar Stanislaw Sommertag, in-Nunzju Appostoliku fil-pajjiż, kienu fost il-qassisin attakkati meta marru biex jipproteġu l-Bażilika ta’ San Sebastjan, fejn ippruvat tidħol bil-forza il-marmalja organizzata mill-Gvern. L-Isqof Baez u qassis ieħor sfaw feruti. Kienu attakkati wkoll xi ġurnalisti li nsterqulhom il-kameras u apparat ieħor.

L-Isqfijiet u s-saċerdoti ppruvaw jeħilsu wkoll lil grupp ta’ persuni li pprotestaw kontra l-Gvern li kienu miżmuma fil-Knisja, meta individwi b’wiċċhom mgħammad li kien hemm barra l-Knisja bdew jgħajru lill-Isqfijiet “qattiela.” Fl-istess ħin il-midja favur il-Gvern akkużat lill-Knisja li kienet qed tħalli li jinħażnu l-armi fil-proprjetà tagħha.

“Jien sfajt ferut, qlajt anke daqqiet fl-istonku, serquli s-simboli episkopali tiegħi u attakkawni anke verbalment,” qal l-Isqof Baez fi tweet fejn wera wkoll ritratt tal-feriti f’idu u ħwejġu mimlija demm. “Jien tajjeb, għall-grazzja t”Alla. Il-Knisja hi ħielsa u ħlisna wkoll lil dawk li kienu maqbuda fiha.”

“Sofrejna forza brutali kontra l-qassisin tagħna. Aħna morna fil-parroċċa biex nikkunslaw lill-qassisin u nakkumpanjawhom fit-tbatija tagħhom u sfajna attakkati,” qal l-Isqof.

L-attakk fuq l-isqfijiet seħħ wara li l-President tan-Nikaragwa Daniel Ortega bagħat lill-pulizija u l-paramilitari biex iwaqqfu l-protesti li kienu qed jitolbu għar-riżenja tiegħu.