Isqfijiet Pollakki mħassba dwar esperimenti bil-bniedem u l-annimali

Laboratorji fejn isiru esperimenti li huma moralment u etikament oġġezzjonabbli

“Manipulazzjonijiet li jheddu l-valuri fundamentali tad-dinjità umana u l-ħajja umana, ma jistgħux ikunu aċċettati”. Dan enfasizzah it-Tim ta’ Esperti Bioetiċi tal-Konferenza Episkopali Pollakka, f’pożizzjoni li ħa dwar il-ħolqien ta’ prototipi magħmula mill-bniedem u l-annimali.

L-Esperti tal-Konferenza Episkopali ħadu din il-pożizzjoni bi tweġiba għall-ħolqien ta’ dawn il-prototipi mill-Hiromitsu Nakauchi tal-Universita ta’ Tokyo..

“L-iskop tal-esperimenti  tax-xjenzjati Ġappuniżi hu li jkawwru tessuti u organi b’metodi ġodda li ma jkunux riġettati mill-pazjenti meta jkunu trapjantati fih”. Dan hu suġġett importanti, u kurrenti li jitlob li tittieħed azzjoni dwaru.

Esperimenti projbiti

Esperti jsostnu li ħafna pajjiżi, għal raġunijiet etiċi ma jippermettux dawn l-esperimenti b’embrijuni maħluqa b’dan il-mod.  Iżda l-Ġappun, f’Marzu ta’ din is-sena bidel il-liġijiet u beda jippermetti l-ħolqien ta’ prototipi ħajja magħmul mill-uman u l-annimal.

L-esperti bioetiċi tal-Konferenza Episkopali Pollakka jgħidu li: “Wieħed ma jistax jagħmel assessjar morali tar-riċerka biomedika mil-lenti biss tal-intenzjonijiet.  Kull tip ta’ esperiment u manipulazzjoni għandhom ikunu jikkorrispondu mal-funzjonijiet natural tat-tessuti u l-organi u mal-istruttura u l-orjentazzjoni fundamentali tan-natura umana”.

L-istess esperti qalu wkoll li r-riċerka li qed issir ma tistax tinjora r-riskju li jkunu żviluppati tessuti umani bla kontroll (inkluż ċelluli u gammiti) fil-ġisem tal-annimal biex imbagħad iċ-ċelluli tal-annimali ikunu trasferiti flimkien ma tessut uman fil-persuna li tirċievi t-trapjant.

Huma jsostnu li l-esperiment, ma jagħtix każ ir-riskju li jkunu trasmessi fil-bniedem, mard tipiku tal-annimali li jintużaw għall-produzzjoni tal-organi biex ikunu trapjantati.

Fakkru fil-kliem tal-Papa Franġisku fl-Enċiklika “Laudato si” fejn qal li “imur kontra d-dinjità umana li wieħed iġiegħel annimali jsofru u jmutu bla bżonn”.

L-annimali għandhom drittijiet

F’dan il-kuntest l-esperti jenfasizzaw: “Il-bioetika Kattolika hi tal-fehma li l-annimali ma għandhomx jintużw bla ebda restrizzjonijiet.  Dawn ngħataw lill-bniedem minn Alla, imma fl-istess ħin il-bniedem hu responsabbli quddiem il-Ħallieq biex jittrattahom tajjeb.  L-annimali wkoll għandhom d-drittijiet naturali tagħhom li ġejjin minn posthom fl-ordni tal-ħolqien”.

L-esperti tal-Konferenza Episkopali fakkru wkoll fi kliem San Ġwanni Pawlu II lit-18-il Kungress tas-Soċjetà Dinjija tat-Trapjanti, fis-sena 2000.

“Meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ organi biex ikunu trapjantati, il-biomediċina m’għandhiex tuża’ metodi riskjużi li joħolqu diffikultajiet morali. Biex b’xi mod jintlaħqu l-miri li jimmotivaw il-ħolqien ta’ hybrids umani-annimaleski, wieħed aħjar jappoġġja kampanji ta’ informazzjoni u l-aċċess għar-reġistri tad-donaturi tad-demm u l-organi u jappoġġja wkoll id-donazzjoni ta’ tessuti u  organi ħajja wara l-mewt, flok jagħmel esperimenti perikolużi li mhux etiċi”, kien qal il-papa Ġwanni Pawlu II.