Isqfijiet mis-Sinodu jġeddu “Il-Patt tal-Katakombi”

Isqfijiet jiċċelebraw il-Quddiesa fil-Katakombi

Grupp ta’ Isqfijiet li qed jieħdu sehem fis-Sinodu dwar l-Amazonia, ikkupjaw dak li kienu għamlu  uħud mill-Isqfijiet li kienu ħadu sehem fil-Konċilju Vatikan II fl-1965, u marru fil-Katakombi ta’ Santa Domitilla biex jikkonfermaw l-għaqda tagħhom favur il-fqar.

Fis-16 ta’ Novembru 1965, ftit jiem biss qabel intemm il-Konċilju Vatikan II, 42 parteċipant fil-Konċilju, iċċelebraw Quddiesa flimkien f’dawn il-Katakombi biex jitolbu ‘l Alla jagħtihom grazzja “li jkunu fidili biex fl-ispirtu ta’ Kristu iservu lill-foqra”. Wara l-Quddiesa huma kienu ffirmaw “Il-Patt tal-Katakombi tal-Knisja serva tal-Foqra”.  Aktar tard madwar 500 parteċipant ieħor fil-Konċilju ffirmaw dan il-Patt ukoll.

Aktar minn 50 sena wara il-legat tal-Padri Konċiljarji inqabad minn dawn il-Padri Sinodali dwar l-Amazonia li qed jiddiskutu t-tema “Toroq ġodda għall-Knisja u għal ekoloġija integrali”.

Il-Kardinal Claudio Hummes, ippresieda fil-Quddiesa li saret fil-katakombi u wara l-Isqfijiet preżenti iffirmaw “Il-Patt tal-Katakombi għad-Dar Komuni. Għal Knisja b’wiċċ tal-Amazonia, fqir, serv, profetiku u Samaritan”.

Is-Sinodu hu frott tal-Konċilju

Fl-Omelija l-Kardinal Hummes fakkar li l-katakombi kienu ċimiterji antiki fejn l-insara kienu jidfnu lill-martri. “Din hi art verament qaddisa”.  Dan il-post ifakkarna tal-ewwel żminijiet tal-Knisja: żminijiet diffiċli, immarkati bil-persekuzzjoni u b’ħafna fidi.  Il-Knisja dejjem trid tmur lura lejn l-għeruq hawn f’Ruma u F’Ġerusalemm”.

Il-Kardinal żied jgħid li s-Sinodu hu frott tal-Konċilju Vatikan II. Qed infittxu toroq ġodda biex naqdu l-missjoni li nipproklamaw il-Kelma. Il-ħażen tad-dinja ġej mill-flus li jkattru l-korruzzjoni, il-kunflitti u l-gideb. Għalhekk il-Knisja trid titlob kontinwament, temm jgħid il-Kardinal Hummes.

Il-Patt tal-Katakombi għad-Dar Komuni

Fid-dokument li l-Isqfijiet iffirmaw nhar il-Ħadd li għadda, il-parteċipanti fis-Sinodu dwar l-Amazonia fakkru li huma jaqsmu l-ferħ li jgħixu fost ħafna nies indiġeni li jgħixu fuq ix-xtut tax-xmajjar, ma’ emigranti u ma’ komunitajiet oħra.  Magħhom esperjenzaw “il-poter tal-Evanġelju li jaħdem maż-żgħir”. “il-laqgħa ma’ dawn in-nies”, jgħid id-Dokument, “jisfidana u jistedinna għal ħajja aktar sempliċi li fiha naqsmu mal-oħrajn bla ma nistennew xejn lura”.

Il-firmatarji tad-Dokument impenjaw ruħhom li “jġeddu l-għażla preferenzjali tagħhom favur il-fqar u jabbandunaw kull tip ta’ mentalità kolonjalista u jipproklaw l-Evanġelju ta’ Kristu”. Huma iwegħdu wkoll li jirrikonoxxu “il-ministeru ekklesjali li diġa’ jeżistu fil-komunitajiet u jfittxu modi oħra ta’ ħidma pastorali”.

Impenji oħra nklużi fil-Patt tal-Katakombi għad-Dar Komuni jinkludu l-wegħda “il-mixja ekumenika ma’ komunitajiet insara oħra u li jadottaw stil ta’ ħajja aktar sobriju quddiem il-valanga ta’ konsumeriżmu.