Isqfijiet mill-pajjiżi Għarab, f’laqgħa mal-Papa Franġisku

L-Isfijiet membri tal-Konferenza tal-Isqfijiet Latini tar-Reġjuni Għarab mill-Eġittu, is-Sirja, l-Iraq, il-Libanu, il-Ġordan, il-Palestina, Iżrael, Ċipru, il-Djibouti, is-Somalja u l-Peninsula Għarbija, kellhom żjara “ad limina” mal-Papa Franġisku f’Ruma, il-ġimgħa li għaddiet.
Fi stqarrija li ħarġu qalu li l-mumenti l-aktar importanti taż-żjara tagħhom f’Ruma kienet l-udjenza mal-Papa u l-pellegrinaġġi għall-Bażilika tal-Vatikan u dawk ta’ Santa Marija Maggiore u San Paolo Fuori le Mura fejn talbu għat-tisħiħ tal-fidi tal-Insara li jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli b’mod partikolari dawk fis-Sirja, l-Iraq, il-Palestina, is-Somalja u l-Jemen.
Huma qalu li sabu inkoraġġiment kbir mill-Papa li jagħti attenzjoni speċjali għal dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, għat-talb tiegħu għal dan ir-reġjun u l-ħidma bla waqfien li jwettaq għall-paċi u l-ġustizzja u d-djalogu ekumeniku interreliġjuż.
Żiedu jgħidu li anke meta żaru s-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan kienu milqugħa ħafna. Il-Kardinal Pietro Parolin infurmahom dwar f’hiex wasal il-Ftehim bejn is-Santa Sede u Iżrael li għalkemm ilu jkun negozjat għal dawn l-aħħar 24 sena, għad ma kienx iffirmat.
Issa d-dewmien għall-iffirmar kien ikkaġunat minn l-aħħar kriżi bejn il-Muniċipalità u l-Knejjes f’Ġerusalemm fuq il-kwestjoni tat-taxxi.
L-Isqfijiet tal-pajjiżi Għarab kellhom ukoll laqgħat mad-diversi Kongregazzjonijiet u Kunsilli Pontifiċji. Matul dawn il-laqgħat tkellemu dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw u kellhom djalogu siewi ħafna.
Huma ltaqgħu wkoll mal-Kummissjoni li qed thejji għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li se jsir f’Ruma f’Ottubru li ġej.
Stqarrew li fost l-aħbarijiet sbieħ li ngħataw, saru jafu li fost id-diversi martri li mietu għall-fidi fid-djoċesijiet tagħhom, Suor Leonella Sgorbati, missjunarju li ħadet il-martirju f’Mogadishu fl-2006, se tkun ibbeatifikat fis-26 ta’ Mejju li ġej f’ċerimonja li se ssir fi Piacenza l-Italja.
Huma qalu li d-demm li xerrdet din is-soru u diversi martri oħra huwa sors ta’ inkoraġġiment u tama fl-impenn tagħhom favur il-foqra.