Isqfijiet mill-Arġentina, Spanja u l-Peru jappoġġjaw lill-Papa

Isqfijiet Arġentina Spanja Peru Papa Frangisku
Arkivji

Isqfijiet minn tliet pajjiżi ħarġu ittri b’appoġġ lill-Papa Franġisku wara l-allegazzjonijiet li saru kontrih minn dak li kien Nunzju Apostoliku fl-Istati Uniti li allega li l-Papa u oħrajn kienu jafu bl-allegazzjonijiet ta’ abbużi mill-ex Kardinal Theodore McCarrick.

L-Isqfijiet tal-Arġentina f’ittra bid-data tat-30 ta’ Awwissu, qalu li l-ittra tagħhom kienet saret bi tweġiba “għall-attakki ħorox” kontra l-Papa.  “Aħna naqsmu miegħek l-uġiegħ u qed niktbu biex ngħidulek li nħossuna qrib tiegħek bħala aħwa u ulied.”

Il-Konferenza Episkopali Spanjola ukoll ħarġet stqarrija b’ittra li ntbagħtet lill-Papa fejn qalulu “M’intix waħdek.” Kitbu li “aħna nitolbu ‘l Alla biex ikompli  jgħinek fit-taħbit tiegħek ta’ kuljum”. Il-President tal-Konferenza Episkopali Spanjola, il-Kardinal Ricardo Blazquez ta’ Valladolid qal li parti mix-xandir tal-Evanġelju ifisser u koll li tiċħad b’kuraġġ dak li Alla ma japprovax.  Hu mportanti li wieħed, b’umiltà jitlob maħfra għad-dnubiet ta’ membri tal-Knisja, inkluż kleru u lajċi.

Min-naħa tagħhom, l-Isqfijiet tal-Peru f’ittra tad-29 ta’ Awwissu qalu li “quddiem l-attentati biex tkun destabliżżata l-Knisja” nesprimu l-appoġġ għal mod sod u kuraġġjuż li l-Papa wera fit-treġija tal-Knisja.

Alla jgħin lill-blata li fuqha bena l-Knisja tiegħu. L-ittra żiedet tgħid li “aħna ċerti li Kristu Rxoxt… il-Knisja se tkompli tmexxina ‘l quddiem biex bla biża’ u mimlijin tama inkomplu naħdmu b’aktar enerġija fis-servizz tal-poplu t’Alla.”