Isqfijiet Kattoliċi jikkundannaw l-abbuż minn flus tal-istat

L-Isqfijiet Kattoliċi huma mħassba li fondi tal-Gvern f’Papua New Guinea qed jintużaw ħażin minħabba l-korruzzjoni rampanti fost il-membri parlamentari u dan qed joħloq kaos fil-pajjiż.

B’riżultat ta’ dan, il-Knisja mhux qed taċċetta aktar ħlasijiet u għotjiet li huma ġejjin direttament minn membri tal-Parlament irrispettivament jekk il-flus kinux ivvutati speċifikament għaliha.

Bl-istess mod, l-Isqfijiet qed jaħdmu biex iqajmu kuxjenza dwar kif dawn il-fondi qed ikunu użati ħażin u qed jinkoraġixxu lill-iskejjel Kattoliċi, parroċċi u djoċesijiet biex jagħmlu l-istess.

Dan l-aħħar, l-Isqfijiet Kattoliċi ta’ Papua u l-Gżejjer Solomon reġgħu għamlu twissijiet li kienu għamlu fl-2011 dwar l-użu ta’ fondi tal-Gvern għall-użu u l-gwadann personali tal-politiċi. Huma talbu lill-Gvern biex iwaqqaf dan l-abbuż u wissew lill-Knejjes  u Organzzazzjonijiet Mhux Governattivi biex ma jaċċettawx flus ta’ xejn mill-politiċi.