Isqfijiet jitolbu protezzjoni wara li Rwanda għalqet xi knejjes

Isqfijiet protezzjoni Rwanda knejjes katnazz
Knisja fi Rwanda magħluqa minn forzi tal-Gvern

L-Isqfijiet Kattoliċi fi Rwanda għamlu sejħa lill-President tal-pajjiż Paul Kagame biex iħares id-drittijiet reliġjużi tal-poplu wara li uffiċjali governattivi għalqu bil-forza eluf ta’ knejjes u moskei.

“Il-Kattoliċi huma xxukjati u diżappuntati; ma jistgħux jifhmu dak li qed jiġri u għaliex ma ngħatat ebda spjegazzjoni għal dan l-aġir”, qal Fr Martin Nizejimana, Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tar-Rwanda.

“Jekk dawn il-passi ttieħdu biex jipproteġu s-sigurtà tan-nies, dan hu tajjeb, iżda għandu jkun spjegat biex in-nies mhux imorru l-Knisja u jsibuha magħluqa”, qal Fr. Martin.

Il-Gvern qed jgħid li għalaq dawn il-knejjes u moskei għal dak li qed isejjaħ raġunijiet ta’ sigurtà u għax dawn il-postijiet ma kienux qed jimxu mar-regolamenti li jkollhom strutturi skont il-liġi, faċilitajiet sanitarji u ċertifikati dwar il-lokalità u l-mod kif joperaw.

“Kollox sar b’mod ħażin u l-egħluq tal-knejjes laqat ħażin lill-Knisja Kattolika fi Rwanda, speċjalment f’żoni  rurali fejn il-komunitajiet spiċċaw mingħajr quddies. Il-Kostituzzjoni tipproklama l-libertà reliġjuża imma jekk il-Gvern se jibda jagħlaq il-knejjes bla ebda avviż se jkollna differenza kbira bejn dak li tgħid il-liġi u r-relatà fil-pajjiż. Hu mportanti li nassiguraw li l-missjoni tal-Knisja fi Rwanda tkun tista’ tkompli”, qal is-Segretarju tal-Konferenza Episkopali.

Lejn l-aħħar ta’ Lulju il-Gvern qal li fi Frar kien hemm qbil dwar miżuri ta’ sigurtà bejn il-Gvern u l-mexxejja tal-Knisja. Iżda Fr Nizejimana qal li l-mexxejja tal-Knisja ma ngħataw ebda avviż u anqas kienu nfurmati dwar l-egħluq tal-knejjes.

Fi Rwanda il-kattoliċi huma nofs il-popolazzjoni ta’ 12-il-miljun u wara l-ġenoċidju li kien hemm fil-pajjiż fl-1994, nibtu diversi denominazzjonijiet reliġjużi oħra.

Fi stqarrija l-Gvern ikkonferma li 1,381 djar ta’ talb tal-Pentekostali ingħalqu flimkien ma’ 15%  tal-moskei u aktar minn terz tal-71 knisja Kattolika, fid-distrett ta’ Rusizi biss.

Il-Gvern qal fi stqarrija li l-egħlu ta’ dawn il-postijiet ta’ talb ma jiksrux il-libertà reliġjuża imma jindirizzaw il-problema allarmanti tal-proliferazzjoni ta’ postijiet tat-talb f’postijiet delapidati u mingħajr faċilitajiet sanitarji kif ukoll l-imġieba inkwetanti ta’ individwi bla skrupli li jagħmluha ta’ mexxejja reliġjużi.