Isqfijiet jappellaw għal strateġija biex ikunu eliminati l-armi nukleari

Isqfijiet Amerikani u Ewropej ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha appellaw lill-pajjiżi kollha biex jaħdmu flimkien u jiżviluppaw strateġija kredibbli u li tista’ tkun infurzata biex ikunu eliminati l-armi nukleari kollha.
Id-dikjarazzjoni “Id-Diżarm Nukleari: Infittxu s-Sigurta’ Umana” ħarġet fl-istess żmien li ntemmet laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti li kellha l-iskop li jkun negozjat trattat li jorbot legalment li jkun jipprojbixxi l-armi nukleari u jwassal għall-qerda totali tagħhom.
Għalkemm l-Istati Uniti u diversi pajjiżi Ewropej ma ħadux sehem f’dawn in-negozjati, l-Isqfijiet Kattoliċi jirrikonoxxu l-fatt li ħafna pajjiżi qed jipparteċipaw f’dan l-isforz għax l-urġenza li jintlaħaq dan il-ftehim hi kbira minħabba l-biża’ li l-prospett ta’ terroriżmu nukleari u t-tixrid ta’ dawn l-armi, qegħdin dejjem jikbru.
L-Isqfijiet talbu lill-mexxejja tal-pajjiżi biex jaħdmu għall-paċi billi jkun hawn diżarm nukleari. “In-natura sproporzjonata u indiskiriminata ta’ armi nukleari, qed iwasslu lid-dinja li timxi ‘l hinn mid-deterrent nukleari u għalhekk nappellaw biex għal strateġija serja biex ikunu eliminati l-armi nukleari,” saħqu l-Isqfijiet Amerikani u Ewropej.
“It-tagħlim tal-Knisja dwar il-ħtieġa uġenti għal diżarm nukleari hu ċar ħafna. Wasal iż-żmien biex nilqgħu dan l-imperattiv morali u nippromwovu s-sifuta’ umana kemm fl-Istati Uniti u fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja kollha,” saħaq l-Isqof Oscar Cantu ta’ New Mexico.