Isqfijiet Irlandiżi mħassba dwar l-intolleranza reliġjuża

L-Isqfijiet Irlandiżi waqt żjara "ad limina" fil-Vatikan

L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Irlana temmew il-Laqgħa Ġenerali tagħhom tas-Sajf, b’appell għal “rispett lejn kull persuna umana, bla eċċezzjoni u biex ikun evitat kompletament l-użu ta’ kliem li joffendi”.

Fi stqarrija l-Isqfijiet qalu li jinsabu mħassba dwar “in-numru dejjem jikber ta’ inċidenti ta’ razziżmu, xenofobija u intolleranza reliġjuża li qed ikun hemm fl-Irlanda li saħansitra kultant jitwettqu minn dawk li jqisu lilhom infushom bħala nsara. Dawn l-inċidenti jistgħu jitwettqu anke b’mod anonimu jew fuq il-media soċjali, f’konversazzjonijiet kwieti bejn persuni, jew b’tgħajjir u saħansitra bi vjolenza fiżika”.

Jibdew ħajja ġdida

L-Isqfijiet Irlandiżi enfasiżżaw li uħud minn dawk li jaslu fl-Irlanda jkunu ħarbu minn sitwazzjonijiet diffiċli, fosthom ta’ persekuzzjoni reliġjuża.  Żiedu jgħidu li “barra t-trawma li tilfu djarhom, l-impjieg u ħafna drabi anke l-familja, issa dawn in-nies qed jiffaċċjaw l-isfida li huma stranġieri u jridu jibdew ħajja mill-ġdid f’pajjiż fejn il-lingwa, is-sistema edukattiv, id-drawwiet u l-kultura huma ferm differenti minn dawk li jafu huma”.

Għalhekk, fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet appellaw għal “rispett għal kull persuna umana, mingħajr eċċezzjoni u li jieqaf l-użu ta’ kliem goff li joffendi”.

Nevitaw ir-razziżmu

Biex ikunu evitati l-bigotterija, l-intolleranza reliġjuża u r-razziżmu, l-Isqfijiet qed jinkoraġixxu biex jinbnew relazzjonijiet fuq livell lokali biex kulħadd iħossu milqugħ.

“B’mod speċjali qed nappellaw lill-ġenituri, għalliema, żgħażagħ, saċerdoti, reliġjużi, ġurnalisti, politiċi, lil min iħaddem u lil dawk li jmexxu l-isport biex biex b’mod attiv ma jittollerawx razziżmu, intolleranza jew settarjaniżmu”.

L-Isqfijiet temmew l-istqarrija tagħhom billi qalu li “Id-dinjità umana ma tiddependix mill-kulur tal-ġilda tal-individwu, min-nazzjonalità, il-lingwa jew fehma reliġjuża. Kull persuna hi maħluqa fix-xbieha t’Alla u f’relazzjoni miegħu”.