Isqfijiet Indjani jappellaw għal “nazzjonaliżmu ta’ veru”

Filwaqt li l-Parlament Indjan ikkonferma li kien hemm żjieda qawwija fil-pajjiż ta’ vjolenza għal raġunijiet reliġjużi, l-isqfijiet tal-pajjiż appellaw biex ikun hemm “nazzjonaliżmu veru” biex tinkiseb “paċi ġenwina, armonija, progress u prosperità fil-pajjiż”.
Stqarrija tal-isqfijiet wara laqgħa ta’ sebat ijiem tirreferi għal “klima ta’ vjolenza” u appellat lill-poplu biex “iwarrab il-kultura ta’ ġlied u viġilantiżmu u jħaddan kultura ta’ paċi”.
Gruppi militanti Ħindu żiedu l-attakki vjolenti kontra minoritajiet fil-pajjiż minn erba’ snin ilu 'l hawn kemm ilu fil-poter il-Partit Bharatija Janata.
Xi gruppi Ħindu estremi iħarsu lejn l-Insara u l-Musulmani bħala alleati ta’ poteri barranin.
Numru ta’ mexxejja Ħindu appellaw publikament lill-Musulmani biex jitilqu mill-Indja u jmorru jgħixu f’pajjiżi Iżlamiċi filwaqt li qalu li l-Kattoliċi għandhom jitilqu lejn Ruma.
Fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet Indjani qalu li ħadd m’għandu jiddubita l-impenn tagħhom favur in-nazzjon.
Il-fidi Kristjana fl-Indja hi antika daqskemm hu antik il-Kristjaneżmu.
Huma ħeġġew lill-poplu kollu biex iwarrab ideali dojoq u flimkien jibnu stat sekulari, soċjalista u demokratiku. “Bħalissa hemm bżonn djalogu ma' nies ta’ reliġjonijiet differenti u gruppi ekumeniċi", sostnew l-Isqfijiet.
Informazzjoni mogħtija fil-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar turi li fl-2017, mhux anqas minn 111-il persuna nqatlu fi vjolenza bejn ir-reliġjonijiet ikkomparati ma’ 86 li nqatlu bl-istess mod is-sena ta’ qabel.
Il-Kardinal Oscar Garcia ta’ Mumbai qal waqt il-konferenza li “l-intolleranza qed toħolqilna l-ansjetà. Id-diversità hi waħda mill-affarijiet pożittivi tal-Indja. L-Indja hi magħrufa mad-dinja kollha għad-diversità kulturali, lingwistika u reliġjuża. Kull attentat minn xi sezzjonijiet biex jifirdu l-poplu, jagħmel ħsara lill-pajjiż”, wissa l-Kardinal.
L-Isqof Awżiljarju Theodore Mascarenhas, Segretarju tal-Konferenza Episkopali Indjana, qal li l-attakki kontra l-pluraliżmu ma kinux biss kontra l-Insara imma kontra l-Indjani kollha. “Ma nistgħux inħallu ftit elementi rashom sħuna ikissru l-armonija. 
Din hi kwestjoni ta’ Saltna tal-Liġi u valuri Kostituzzjonali li għandhom ikunu mħarsa”.