Isqfijiet ġodda f’Santiago

Żewġ Isqfijiet Awżiljarji ġodda għal Santiago fiċ-Ċile

Id-deċiżjoni riċenti tal-Papa Franġisku li jaħtar żewġ Isqfijiet Awżiljarji għal Santiago, il-kapitali taċ-Ċile li hi l-aktar arċidjoċesi Kattolika ta’ nkwiet fid-dinja, qed titqies bħala rigal lil din il-belt li għadha qed tikkumbatti mal-abbużi sesswali mill-kleru li diġà implikaw żewġ kardinali u tliet Isqfijiet maħbuba mill-poplu.

Santiago kellha sitt Isqfijiet Awżiljarji qabel il-ħatra ta’ Fr Carlos Eugenio Irarrazaval u Fr. Aberto Lorenzelli. Iżda issa erba’ minn dawn inħatru bħala Nunzji Apostoliċi fi djoċesijiet Ċileni oħra. Mit-tnejn li kien fadal, wieħed hu marid u allura mhux attiv ħafna. L-Isqof l-ieħor, Celestino Aos, xahrejn ilu nħatar bħala Amministratur Apostoliku ta’ Santigo u ħa post il-Kardinal Ricardo Ezzati.

Rigal mill-Papa

F’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux”, l-Isqof Celestina Aos qal li jħoss li l-Papa Franġisku qed jgħinu fix-xogħol tiegħu li jmexxi l-Arċidjoċesi ta’ Santiago u kien qed jittama li jkompli jgħinu billi jaħtar Isqfijiet Awżiljarji oħra.  Meta sar jaf li fil-fatt il-Papa laqa’ din ix-xewqa tiegħu u ħatar liż-żewġ Isqfijiet ġodda, l-Amministratur Apstoloku ddeskriva dan bħala “rigal” mill-Papa.

Meta kellem lill-komunita Kattolika ta’ Santiago, Mons. Aos qal li ż-ewġ Isqfijiet Awziljarji “ġejjin biex jaqdu l-Knisja u lilkom. Flimkien irridu nibnu ċiviltà ta’ mħabba, ta’ verità, ta’ ġustizzja u paċi biex ikollba Ċile ġdid u aħjar.”

Spirtu missjunarju

Min-naħa tiegħu l-Isqof Irarrazaval qal li jittama li jkun kapaċi jgħix is-saċerdozju tiegħu f’attitudni ta’ servizz lil dawk li Kristu afdalu. “Nemmen li hawn tinsab iċ-ċavetta. Ovvjament fiż-żminijiet li għaddejja minnhom il-Knisja f’Santiago, jinħtieġ servizz akbar, aktar integrali u sempliċi – servizz li niltaqgħu man-nies”.

L-Isqof Awżiljarju Lorenzelli, li tiweled fl-Arġentina minn imigranti Taljani, kien Ruma meta ħarġet l-aħbar tal-ħatra tiegħu u fil-fatt se jkun konsagrat Isqof mill-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru fit-22 ta’ Ġunju.

Huwa qal li ma kienx qed jistenna din l-aħbar u baqa’ sorpriż. “Il-Papa ma staqsiniex biex nagħmel xi ħaġa speċjali imma sempliċement biex immur bi spirtu missjunarju biex nanima l-Knisja fiċ-Ċile bi spirtu Salesjan u naħdem maż-żgħażagħ”.