Isqfijiet fl-Irlanda ta’ Fuq jinvokaw l-aġġezzjoni tal-kuxjenza għal-liġi inġusta tal-abort

Sostenituri favur il-ħajja jħorru posters barra l-Qorti f’Belfast kmieni din is-sena. (Credit: Brian Lawless/Reuters via CNS.)

Skont l-Isqfijiet tal-Iralnda ta’ Fuq, ħadd m’hu obbligat jikkoopera u jimxi mal-liġi ġdida dwar l-Abort li hemm f’dan ir-rġjun.

F’Lulju li għadda fl-Irlanda ta’ Fuq, permezz ta’ emendi għal numru ta’ liġijiet tneħħiet il-protezzjoni  favur il-ħajja fir-reġjun. L-emendi ntroduċew ukoll fil-pajjiż, iż-żwieġ bejn membri tal-istess sess.

Dawn il-liġijiet daħlu fis-seħħ f’Ottubru li għadda u għalkemm neħħew klawsoli li jipproteġu l-ħajja ma mponew ebda restrizzjoni  fuq l-abort kif hemm  fl-Ingilterra, Wales u l-Iskożja.  B’hekk l-Irlanda ta’ Fuq issa ġiet għandha l-aktar liġi liberali dwar l-abort fir-Renju Unit kollu.

Minflok, il-liġi l-ġdida magħrufa bħala Executive Formation Act għamlet mandatorju il-ħolqien ta’ qafas li jipprovdi aċċess legali għas-servizzi tal-abort b’seħħ mill-31 ta’ Marzu li ġej. Dwar dan saret konsultazzjoni li għalqet aktar kmieni dan ix-xahar.

Liġi inġusta

F’din il-konsultazzjoni, l-Isqfijiet iddikjaraw li l-liġi hi waħda inġusta u qalu li kulħadd hu moralment obbligat li jipponi din il-liġi billi jinvoka oġġezzjoni tal-kuxjenza.

“Liġi ċivili li tagħmel leġittimu u legali qtil dirett u intenzjonat ta’ persuna umana permezz tal-abort tkun qed tinjora id-dritt inaljenabbli tal-ħajja.  Billi jinħolqu regoli u proċeduri li jiffaċilitaw il-qtil ta’ trabi mhux mitwielda, li s-soċjetà suppost għandha tipproteġi u tieħu ħsieb, ikun qed jitwarrab il-ġid komuni u l-ugwaljanza tal-persuni quddiem il-liġi. Għalhekk din il-liġi ma tistax titqies li hi ġuridikament valida jew li torbot moralment, sostnew l-Isqfijiet.

Apparti dan, l-Isqfijiet appellaw biex ikun hemm qafas regolatorju li jagħtu d-dritt lill-professjonisti mediċi “id-dritt li jirrifjutaw li jipparteċipaw f’kull aspett ta’ abort inkluż konsultazzjoni, preprazzjoni jew twettieq tiegħu”.

Huma appella ukoll biex l-ispiżjara kemm dawk li jaħdmu fi sptarijiet kif ukoll dawk fil-prattika privata fil-komunità jkunu jistgħu jeżerċitaw oġġezzjoni tal-kuxjenza meta jkunu mitluba biex jipprovdu jew jaħżnu mediċini li jintużaw fl-abort.

Protezzjoni

“Dawk li joġġezzjonaw għal raġunijiet ta’ kuxjenza għandhom ikunu protetti minn passi kriminali, proċeduri dixxiplinari, diskriminazzjoni u kull ħaġa li tista’ tfixkel l-avvanz tal-karriera tagħhom. L-ostetriċja u l-ġenekoloġija m’għandhomx isiru dominju esklussiv ta’ dawk it-tobba u paramediċi li lesti jipparteċipaw fl-aborti”, qalu l-Isqfijiet.

L-isqfijiet iddikjaraw li huma jopponu bis-sħiħ kull attentat li s-serviżżi tal-abort ikunu nklużi f’xi skola fl-Irlanda ta’ Fuq li fil-maġġoranza tagħhom huma skejjel mhux tal-Gvern.

“Għal dak li jirrigwarda l-Iskejjel tal-Knisja il-kultura tagħhom hi li jippromwovu d-dinjità tal-ħajja ta’ kull persuna umana.  Għalhekk l-abort hu kontra kull ħaġa li l-iskejjel tal-Knisja jemmnu fiha fejn jidħol ir-rispett taċ-ċittadini u l-ġid komuni.  L-istess jingħad għall-kurrikulu ta’ dawn l-iskejjel fejn ebda informazzjoni dwar servizzi ta’ abort ma hemm postha għax dan imur fundamentalment kontra l-ispirtu ta’ dawn l-iskejjel”.

L-Isqfijiet sostnew li kull leġislazzjoni għandha tinkludi li jkun hemm servizzi adegwati ta’ pariri u perjodu adegwat biex issir riflessjoni dwar in-natura serja ta’ deċiżjoni biex tkun abortita tarbija mhux mitwielda, għal dawk in-nisa li jkunu qed jikkunsidraw li jagħmlu abort.