Isqfijiet fit-Tanzanija jwissu lill-President biex iwaqqaf kampanja kontra l-midja

Wara akkużi li l-Knisja Kattolika baqgħet siekta wisq quddiem il-ħafna abbużi tad-drittijiet umani u ksur tal-Kostituzzjoni mill-President John Magufuli, l-Isqfijiet fit-Tanzanija ħarġu stqarrija iebsa dwar l-aġir antidemokratiku tal-President.
L-Isqfijiet ħarġu ittra pastorali li fiha attakkaw dawk li sejħu “ksur tal-kostituzzjoni u tal-liġijiet tal-pajjiż” mill-President, filwaqt li nnutaw li l-forzi tal-ordni qed jirrestrinġu l-attivitajiet politiċi.
Fil-fatt, l-attivitajiet politċi bħalma huma laqgħat pubbliċi, dimostrazzjonijiet, rallies u dibattiti, li huma dritt ta’ kull ċittadin, ġew sospiżi sal-elezzjonijiet ġenerali li jmiss li suppost isiru fl-2020.
L-Isqfijiet ikkritikaw lill-President Magufuli u l-Gvern tiegħu talli għalqu jew issospendew gazzetti u stazzjonijiet li huma kritiċi għall-Gvern, u qalu li dan ixekkel id-dritt tal-poplu għall-informazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni u d-dritt għall-privatezza.
Din il-guffaġni tal-Gvern qed toħloq il-firda u l-mibegħda u se tpoġġi fil-periklu l-paċi, is-sigurtà u l-ħajja taċ-ċittadini.
“Jekk se nħallu li jkomplu jiġru dawn l-affarijiet m'għandniex neħduha bi kbira jekk insibu ruħna f’kobba ta’ kunflitti koroh li tkisser il-bażi tal-paċi u l-għaqda nazzjonali”, sostnew l-Isqfijiet.
Il-President Magufuli li kien elett f’Novembru tal-2015 bħala l-ħames President tal-pajjiż, beda biex ikkundanna l-korruzzjoni tal-Gvern ta’ qablu u fl-ewwel jum tal-ħatra mar fil-Ministeru tal-Finanzi għal għarrieda u sab li ħafna impjegati ma kinux qed imorru għax-xogħol.
Għamel żjara għal għarrieda wkoll fl-isptarijiet u sab li l-pazjenti kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet mill-agħar u keċċa lid-direttur tal-isptar.
Imma wara bidu tajjeb, dawwar ir-rotta u keċċa madwar 10,000 impjegat taċ-ċivil għax qal li b’hekk kien se jiffranka aktar minn żewġ miljun dollari fix-xahar. 
Hu ħassar ukoll Jum l-Indipendenza tat-Tanzanija bl-iskuża li dan kien qed jiswa ħafna flus.