Isqfijiet Filippini jikkundannaw il-qtil ta’ 80 vittma tad-droga f’ġimgħa waħda

Żewġ Isqfijiet Filippini kkritikaw bl-aħrax il-gwerra tal-Gvern ta’ Duterte kontra d-droga, wara ġimgħa li fiha nqatlu aktar minn 80 persuna fi sforz biex tinqered din il-pjaga.
Minn meta ħa l-poter tal-pajjiż f’Ġunju tas-sena li għaddiet, il-President Rodrigo Duterte ħalef li jeħles lil pajjiżu mit-traffikanti u dawk li jieħdu d-droga.
F’Ittra Pastorali li nqrat fil-quddies tal-Ħadd li għadda, il-Kardinal Luis Antonio Tagle ta’ Karakas iddeskriva l-problema tad-drogi bħala “tħassib umanitarju li jolqot lilna lkoll. Il-problema tad-drogi ma għandhiex tkun ridotta għal kwestjoni politika u kriminali”.
Il-Kardinal ippropona li l-arċidjoċesi torganizza djalogu bejn setturi diversi tas-soċjetà biex jindirizza l-problema tad-drogi llegali.
“Il-minaċċja tad-drogi illegali hi waħda reali u distruttiva u kumplessa”, qal Mons Tagle. Stieden lill-aġenziji governattivi, skejjel, gruppi reliġjużi, il-Pulizija, il-familji ta’ dawk li nqatlu, kif ukoll  lil dawk li jieħdu d-droga u dawk li jmexxu d-droga biex jiġu flimkien u jfittxu soluzzjonijiet għal dan il-problema.
Il-President Duterte ħalef li joqtol lill-barunijiet u lil min jieħu d-droga. Gruppi tad-drittijiet umani qalu li l-Pulizija, f’din il-gwerra qatlu aktar minn 7,000 persuna filwaqt li aġenziji tal-aħbarijiet poġġew in-numru ta’ maqtula għal aktar minn 10,000 persuna.
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li l-Bord dwar Drogi Illegali tal-Filippini sab li fl-2015 1.6% tal-popolazzjoni ta’ 100 miljun ruh, kienu jieħdu d-droga.
Il-ġimgħa li għaddiet, preċiżament fis-16 tax-xahar, il-President Duterte faħħar il-qtil ta’ 32 suspettat b’rabta mad-droga f’ġurnata waħda u qal li jekk jinqatlu 32 minnhom kuljum forsi tonqos il-pjaga li qed tmarrad il-pajjiż.
Il-Kardinal Talge qal “Inħabbat fuq il-kuxjenza ta’ dawk li qed joqtlu anke lil dawk li ma għandhom ebda ħtija, speċjalment lil dawk li jaħbu wiċċhom, biex jieqfu jaħlu ħajjiet umani”.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Socrates Villegas, President tal-Konferena Episkopali tal-Filippini, qal li l-qniepen tal-knejjes fid-djoċesi tiegħu kienu se jdoqqu għal 15-il minuta kull lejl sas-27 ta’ Novembru biex ifakkar lil dawk li nqatlu fil-ġlieda kontra d-droga, biex il-poplu ma jibqax kompliċi bis-silenzju tiegħu u bih jappoġġjaw lill-President li għadu ħafna popolari.