Isqfijiet fil-Libanu mħassba dwar l-emigrazzjoni tal-insara

L-Arċisqof Melkita, Georges Bacouni - © ACN

Filwaqt li fil-Lebanon qed ikomplu jsiru protesti kontra l-Gvern, il-qagħda ekonomika tal-pajjiż kompliet sejra għall-agħar.  Il-Banek għamlu restrizzjonijiet fuq ġbid jew trasferimenti ta’ flus, il-munita kienet żvalutata u ħana qed jitilfu l-impjieg. Il-problemi finanzjarji wasslu biex almenu tliet pesuni kkommetew suwiċidju.

Numru kbir ta’ nsara qed jikkunsidraw li jitilqu mill-pajjiż kif kien ġara waqt il-gwerra ċivili li kaxkret mill-1975 għall-1990, meta eluf ta’ nsara Lebaniżi telqu lejn il-Punent.

Il-Patrijarka Maronita, il-Kardial Bechara Rai qal li “xi ambaxxati li mhux se ngħid min huma, qed jiffaċilitaw l-emigrazzjoni bħallikieku hawn xi gwerra, biex ibattlu l-Libani mill-poplu tiegħu u mill-insara.”

L-organiżazzjoni Pontifiċja, Aid to Church in Need tkellmet dwar is-siwazzjoni fil-Libanu mal-Arċisqof  ta’ Beirut, Mons. Georges Bacouni.

“Qed ngħixu qisu hawn terremot. Qed niffaċċjaw problemiekonomiċi kbar, fosthom sistema bankarja falluta.  Minn meta bdew il-protesti kontra l-Gvern, ħafna nies tilfu l-impjieg filwaqt li oħrajn qed jirċievu biss nofs paga. Dan qed jolqot ħażin ħafna lill-familji.

“Organiżazzjonijiet Mhux Governattivi minn madwar id-dinja qed jieħdu ħsieb ir-refuġjati Sirjani fil-Libanu u dan hu apprezzat.  Imma issa, f’din is-sitwazzjoni dawn se jgħinu wkoll lill-poplu Lebaniż?”, staqsa l-Arċisqof.

“Minħabba l-kriżi ekonomika, l-insara qed jiffaċċjaw l-emigrazzjoni biex ifittxu ħajja aħjar. Hemm riskju kbir linitilfu l-ġenerazzjoni żagħżugħa: dawn ma jridux jibqgħu jgħixu fil-Libanu. Hemm wisq mistoqsijiet u imprevisti dwar il-futur tal-pajjiż.

“Il-Knisja fil-Libanu se tiffaċċja żminijiet diffiċli għax trid tieħu ħsieb ħafna aktar nies fil-bżonn. L-istitutzzjonijiet tal-knisja bħalma huma skejjel, universitajiet, sptarijiet, diġa għandhom problemi serji.  In-nies ma jifilħux iħallsu l-miżati tal-iskola jew jixtru l-mediċini. Ma nixtiequx nieħdu  deċiżjonijiet diffiċli fosthom l-għeluq tal-iskejjel.  L-iskejjel Kattoliċi fil-Libanu jaqdu wkoll studenti Musulmani u Druze. L-universitajiet Kattoliċi u l-iskejjel huma postijiet fejn iż-żgħażagħ jiltaqgħu b’mod paċifiku, jesperjenzaw il-kulturi u jgħixu flimkien.

“Għall-ewwel darba qed nara Libaniżi ta’ diversi twemmin u reliġjonijiet jingħaqdu flimkien u jwarrbu l-qasmiet. Dan hu sabiħ. Il-Mexxejja tal-Knisja min-naħa tagħhom appellaw biex il-protesti jsiru b’mod paċifiku.

 “Il-Knisja tappoġġja lin-nies li qed jitolbu biex tieqaf il-korruzzjoni, li jkun hemm Ministri li jkunu esperti fl-oqsma li jmexxu u li kapaċi jieħdu passi biex iwaqqfu kull forma ta’ korruzzjoni.  Nittamaw li ma jdumx ma jkun iffurmat Gvern ġdid.

“F’dawn il-problemi kollha, ilMulej qiegħed maghna u mhux se jitlaqna”, temm jgħid l-Arċisqof lill-ACN.