Isqfijiet Ċileni mħassba minn theddida għas-sigriet tal-qrar

Saċerdot jisma l-Qrar. Sigriet li m'għandux jinkixef

Isqfijiet Ċileni qalu li filwaqt li jappoġġjaw liġi li tobbliga lill-qassisin u awtoritajiet reliġjużi jirrappurtaw il-kriminalità, huma mħassba li emenda fil-liġi tista’ tobbligahom jiksru s-sigriet tal-qrar.

Il-Parlament taċ-Ċili approva unanimament emenda fil-liġi li żżid lill-membri tal-kleru u reliġjużi rġiel u nisa, fil-lista ta’ persuni, fosthom pulizija, suldati, għalliema u mpjegati ċivili li huma obbligati kull reat jew delitt li jkunu jafu bih.

L-istess Parlament ma aċċettax proposta li dawk ir-reati li l-qassis isir jaf bihom waqt is-sagrament tal-qrar, ma jkunx obbligat li jirrappurtahom.  Din il-klawsola issa trid tkun diskussa mis-Senat tal-pajjiż.

L-Isqof Luis Fernando Ramos, Segretarju tal-Konferenza Episkopali Ċilena, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “La Tercera” li filwaqt li l-Knisja tappoġġja liġijiet li jassiguraw li ssir ġustizzja mal-vittmi tal-abbużi, l-emenda li ma ntlaqetx tpoġġi “diffikulta serja għax il-qrar hu Sagrament u allura hu protett mil-liġi Ċilena”.

Ħarsien tal-kuxjenza

L-Isqof Juan Ignacio Gonzalez ta’ San Bernardo filwaqt li ammetta li l-liġi hi waħda pożittiva, il-leġislatur għandu jħares ukoll it-twemmin u l-kuxjenza tal-poplu, li hu wieħed mid-drittijiet l-aktar fundamentali.  Is-Sagrament tal-Qrar jimplika d-dritt li tkun salvagwardata l-identità ta’ min jersaq biex iqerr li jaf li dak li jingħad fil-konfessjonarju ma jista’ jkun komunikat lil ħadd, taħt l-ebda ċirkostanza.

Fr Ricardo Morales, Amministratur Apostoliku ta’ Puerto Montt qal li l-qassisin “ma jistgħux imorru kontra l-kuxjenza ta’ persuna li tistqarr id-dnubiet tagħha quddiem Alla”. Madankollu żied jgħid li l-qassis għandu l-għodda biex “persuna li tqerr sitwazzjoni ta’ abbuż fuq minuri, ma jingħatax assoluzzjoni sakemm hu stess jirrapporta r-reat lill-awtoritajiet.

Is-sigriet tal-qrar qatt ma jinkiser

Id-Deputat Parlamentari Raul Soto, li ppropona l-emenda tal-liġi qal li l-proposta biex ikunu eżentati reati li jsiru magħrufa fil-qrar, ma kinitx aċċettata biex tkun enfasizzata r-responsabbiltà tal-awtoritajiet reliġjużi li jirrappurtaw ir-reati għax il-prijorità għandha tingħata lill-vittmi tal-abbużi.

Skont il-Liġi Kanonika is-sigriet tal-qrar m’għandu qatt jinkiser u hu projbit għal kull konfessur li b’xi mod jittradixxi lill-penitent bil-kliem jew b’xi mod ieħor għal kwalunkwe raġuni.

Il-Papa Franġisku kien għamilha ċara li l-privatezza tal-kuxjenza quddiem Alla għandha dejjem tkun protetta fis-Sagrament tal-Qrar.