Isqfijiet Awstraljani f’ħidma biex jiksbu lura l-fiduċja tal-poplu

Delegazzjoni ta’ Isqfijiet Kattoliċi Awsraljani marret il-Vatikan biex tiddiskuti modi kif “tista’ terġa’ tintrebaħ il-fiduċja” tal-poplu meta l-ogħla persuni tal-knisja fl-Awstralja qed jiffaċċjaw akkużi ta’ abbużi sesswali.
Id-delegazzjoni kienet tinkludi l-Arċisqof Mark Coleridge ta’ Brisbane, l-Arċisqof Denis Hart ta’ Melbourne u l-Imħallef Neville Owen tal-Kunsill dwar il-Verita’, il-Ġustizzja u l-Fejqan”.
Dan il-Kunsill qed jikkoordina l-ħidma tal-Knisja fid-dawl ta’ inkjesta li qed jagħmel il-Gvern Awstraljan dwar abbużi sesswali fuq it-tfal f’diversi istituzzjonijiet.
Id-delegazzjoni ddiskutiet ir-relazzjoni bejn il-Knisja u s-soċjeta’, ir-rebħ lura tal-fiduċja, parteċipazzjoni akbar mil-lajċi f’karigi ta’ responsabbilta fil-knisja.
Il-kardinal George Pell, il-Ministru tal-Ekonomija tal-Vatikan, fis-6 ta’ dan ix-xahar attenda għal seduta tal-Qorti f’Melbourne fuq allegazzjonijiet ta’ offiżi sesswal li suppost ġraw snin ilu.
Iżda s’issa għad ma ngħatawx dettalji ta’ dawn l-allegazzjonijiet.  Il-Kardinal se jkollu jerġa’ jidher fil-Qorti f’Marzu li ġej u dakinhar ikun deċiż jekk hemmx każ biex hu jgħaddi ġuri fuq l-imsemmija allegazzjonijiet.
Aktar kmieni din is-sena, il-Kardinal Pell talab lill-Papa Franġisku u ngħata l-permess biex mill-Vatikan fejn jokkupa kariga għolja ħafna, jirritorna lejn l-Awstralja biex ikun jista’ jiddefendi ismu minn dawn l-allegazzjonijiet.