Isqfijiet Amerikani mħassba dwar regoli li jistgħu jħarbtu l-għaqda tal-familji

L-amministrazzjoni ta' Trump se ddaħħal regolamenti li jistgħu jħarbtu l-għada tal-familja

Isqfijiet Kattoliċi fl-Istati Uniti urew it-tħassib u l-oppożizzjoni tagħhom għal regolamenti ġodda tal-Gvern li se jkollhom konsegwenzi negattivi fuq familji li jiġu bżonn fondi pubbliċi, għax ir-regoli se jħarbtu l-għaqda fil-familji.

Ir-regoli l-ġodda jolqtu lil dawk li fl-Istati Uniti għandhom jirċievu benefiċċji pubbliċi jew le. Ir-regolamenti l-ġodda kellhom jitħabbru nhar l-Erbgħa li għadda imma jridu jgħaddu xahrejn oħra biex jidħlu fis-seħħ.

X’jgħidu r-regoli

Ir-regola hi maħsuba biex tkompli ssaħħaħ l-isforzi tal-amministrazzjoni tal-President Donald Trump biex iwaqqaf l-emigrazzjoni fil-pajjiż u tolqot dawk li huma kunsidrata bħala piżijiet fuq il-fondi pubbliċi u li allura jpoġġu piż fuq is-sistema tal-benefiċċji soċjali.

Skont ir-regola l-ġdida, kulmin jipprova jidħol fl-Amerika biex jibqa’ jgħix hemm, irid jagħti prova li għandu biżżejjed mezzi biex jgħix bla ma jkun ta’ piż billi jkun jiddependi minn għajnuniet pubbliċi.  Malli dawn ir-regoli jkunu applikati awtomatikament ifisser li anqas imigranti li jfittxu li jidħlu fl-Istati Uniti se jingħataw status legali ta’ emigrant.

X’jgħidu l-Isqfijiet

L-Isqfijiet Amerikani jsostnu li “dawn ir-regoli se jħarbtu l-għaqda fil-familji u jwasslu biex ħafna imigranti legali jkollhom jirrinunzjaw għal għajnuna vitali, fosthom għajnuna ta’ ikel, housing u programmi mediċi”.

L-Isqfijiet Joe Vasquez ta’ Texas u l-Isqof Frank Dewane ta’ Florida, esprimew l-inkwiet tagħhom fi stqarrija li ppublikaw nhar it-Tlieta.

Huma qalu li “familji li diġa’ jinsabu fl-Istati Uniti iridu jiddeċiedu jekk ifittxux l-għanuna meħtieġa li llum jikkwalifikaw għaliha meta jafu li jekk jagħmlu dan ikunu qed jipperikolaw iċ-ċans li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż flimkien mal-familji tagħhom”.

Skont l-istess Isqfijiet, ir-regoli l-ġodda “se jnaqqsu ċ-ċans lil ħafna persuni li jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-Istati Uniti.

L-istqarrija tal-Konferenza Episkopali Amerikana tiddeskrivi l-biża’ li dawn ir-regoli, għalkemm għad mhux applikati, diġa’ bdew iqajjmu fil-komunitajiet. Temmew jgħidu li jaħsbu li dawn ir-regoli jmorru kontra d-dinjità tal-persuna u tal-ġid komuni li suppost kulħadd hu msejjaħ biex jiddefendi.