Isqfijiet Amerikani mħassba dwar il-limitu ta’ refuġjati impost mill-Gvern

Refuġjati jaqsmu mill-fruntiera mal-Messiku

Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti wriet it-tħassib serju tagħha dwar il-limitu fuq in-numru ta’ refuġjati li lest jilqa’ l-pajjiż, kif impost mill-amministrazzjoni Amerikana.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Michael Pompeo, ħabbar li l-amministrazzjoni kienet se timponi dik li tissejjaħ ‘Deċiżjoni Presidenzjali’ li l-livell ta’ refuġjati li jistgħu jidħlu fl-Istati Uniti fl-2019 se jkun ta’ 30,000 refuġjat.  Dan hu l-iżgħar numru fl-istorja tal-Programm ta’ Ammissjoni ta’ Refuġjati fl-Istati Uniti, li kien beda formalment fl-1980.

L-Isqof Joe S. Vasquez ta’ Texas, President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Amerikani dwar l-Immigrazzjoni, wara li kien hemm din id-deċiżjoni tal-Gvern, ħareġ stqarrija dwar is-suġġett.

“It-tħabbir tad-Deċiżjoni Presidenzjali hu ta’ nkwiet kbir u se jpoġġi ħafna ħajjiet fil-periklu. Li tneħħi l-protezzjoni lil dawk il-ħafna li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni fi żmien meta fid-dinja hawn bżonnijiet umanitarji mingħajr preċedent, jikkontradixxi dak li aħna bħala nazzjon.

Li nagħtu refuġju u kenn lil dawk li qed jaħarbu mill-vjolenza, mit-tortura jew mill-persekuzzjoni reliġjuża kien il-pedament tal-istorja tagħna.

Bħala pajjiż, aħna mbierka b’ħafna riżorsi li jagħmluna kapaċi nilqgħu bla periklu lil dawk li qed jaħarbu mid-deni. Li nagħlqu l-bibien tagħna lil min qed ifittex is-sigurtà ma jirriflettix dak li hu l-poplu tagħna.

Nitolbu li fil-jiem li ġejjin il-Kungress ikollu l-opportunità li jibda proċess formali ta’ konsultazzjoni mal-amministrazzjoni kif titlob il-liġi. Tul dan il-proċess mandatorju ta’ konsultazzjoni, il-Kungress għandu jħeġġeġ bil-qawwa lill-amministrazzjoni biex tirritorna għal-livell ta’ refuġjati aċċettati, li jirrifletti l-appoġġ tal-komunità lokali għar-refuġjati u jirrifletti wkoll il-ħtiġijiet globali għall-protezzjoni tar-refuġjati kif ukoll l-istorja twila tagħna bħala pajjiż li jilqa’ r-refuġjati b’solidarjetà,” itemm il-messaġġ tal-Isqof Vasquez, f’isem il-Konferenza Episkopali Amerikana.