Isqfijiet Amerikani jsejħu għal tibdil fil-liġijiet dwar l-armi

Mafkar temporanju f'El Paso, Texas fejn seħħet waħda mill-isparaturi

Wara sensiela ta’ sparaturi li ħallew 29 persuna mejta f’temp ta’ ftit siegħat, l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti għamlu sejħa biex ikun hemm liġijiet aktar serji u responsabbli u aktar riżorsi biex tkun miġġielda l-kawża ta’din il-vjolenza.

“Xi ħaġa għadha fundamentalment ħażina fis-soċjetà tagħna partikolarment f’postijiet fejn jiltaqgħu n-nies, meta f’daqqa waħda jinbidlu f’xeni ta’ vjolenza u disprezz għall-ħajja umana”.

Dan qaluh l-isqfijiet Amerikani fi stqarrija li ħarġu din il-ġimgħa wara sparatura li seħħet fl-istat ta’ Texas ftit qabel ma seħħet sparatura oħra f’Ohio.

Vjolenza bl-armi

F’Texas, raġel armat bi xkubetta, fetaħ in-nar fuq nies li kienu qed jixtru f’mall f’El Paso u qatel 20 persuna filwaqt li aktar minn 20 oħra sfaw feruti, uħud m’mod gravi.

Il-Pulizija qed tqis dan l-inċident bħal każ ta’ terroriżmu domestiku u delitt ta’ mibegħda.

L-aggressur li ċeda f’idejn il-pulizija, fuq il-media elettronika kien poġġa kitba fejn kien iddeskriva l-att ta’ vjolenza liwettaq bħala “tweġiba għall-invażjoni ta’ Texas mill-Hispanics.

13-il siegħa wara, f’Dayton, Ohio, raġel ieħor qatel 9 persuni u fera 27 oħra bi xkubetta. Minuta wara l-pulizija sparawlu u qatluh.

Verita terribbli

Skont Vatican News, fi stqarrija wara l-isparatura f’Ohio, il-Kardinal Daniel DiMardo u l-Isqof Frank Dewane qalu li ż-żewġ inċidenti ta’ sparar jixhdu “verità terribli”.

Iż-żewġ dinjitarji Kattoliċi qalu li “ma nistgħux nibqgħu ngħidu li dan l-isparar fuq il-masses hu xi eċċezzjoni iżolata.  Dawn saru epidemija kontra l-ħajja li b’ġustizzja rridu niffaċċjaw”.

Filwaqt li offrew il-kondoljanzi tagħhom lill-familji tal-vittmi, iż-żewġ Isqfijiet appellaw biex tittieħed azzjoni preventiva fil-forma ta’ talb u sagrifiċċju għall-fejqan filwaqt li ssir pressjoni għal tibdil fil-liġijiet dwar l-armi.

“Inħeġġu lill-Kattoliċi biex jitolbu u jsemmgħu leħinhom biex isir it-tibdil meħtieġ fil-politika u l-kultura nazzjonali”, kitbu l-Kardinal DiNardo u l-Isqof Dewane.

Il-Konferenza Episkopali Amerikana ilha ħafna titlob li jkun hemm tibdil fil-liġi dwar il-pusses u l-użu tal-armi u biex ikun hemm aktar riżorsi umani biex tkun miġġielda din it-tip ta’  vjolenza għax hemm bżonn urġenti li l-affarijiet jinbidlu.