Isqfijiet Amerikani jmorru fuq il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku

Isqof jgħaddi l-ostja lil persuna li tinsab fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera mal-Messiku

Isqfijiet Kattoliċi Amerikani li kien ilhom il-ġimgħat jikkundannaw u jikkritikaw il-politika tal-amministrazzjoni Trump li jifred it-tfal mill-familji jew minn xi ġenitur tagħhom jekk jinqabdu jaqsmu l-fruntiera mal-Messiku mingħajr dokumenti, fil-bidu ta’ dan ix-xahar marru fuq l-istess fruntiera jiltaqgħu mal-emigranti milquta minn din id-deċiżjoni.

Dan sar b’sinjal li l-Isqfijiet Amerikani huma inkwetati bis-sitwazzjoni li qed tolqot ħażin ħafna nies.  L-Isqfijiet marru biex jifhmu aħjar ir-realtà tas-sitwazzoni u jiltaqgħu u jitkellmu ma’ min qed jgħix din ir-realtà kiefra.

L-Isqof Daniel Flores ikkonċelebra quddiesa flimkien ma’ numru ta’ Isqfijiet oħra u waqt l-omelija qal li sħabu l-Isqfijiet marru fil-post biex jifhmu s-sofferenzi ta’ dawk li qed ibatu għax Kristu hekk għallimna: li nisimgħu u mbagħad inwieġbu skont il-pjan tiegħu u nagħtu tama lil dawk l-aktar fil-bżonn u lill-foqra u ngħidulhom li l-insara ma nswehomx.

Kristu tagħna eżempju biex nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, ta’ kull waħda, nisimgħu l-karba tagħhom u ngħinuhom. Dan hu l-iskop tal-Knisja.  Bħala Knisja rridu naraw ir-realtà x’inhi u ngħidu: dak wiċċ uman li dejjem jeħodna lejn Kristu.