
Il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani fetħet is-sessjoni tar-Rebbiegħa bi kritika kontra l-amministrazzjoni tal-President Donald Trump għall-“politika immorali” dwar l-emigrazzjoni, bl-Isqfijiet jikkundannaw “il-qalb iebsa Amerikana” u jħeġġu għal pieni kanoniċi fuq Trump.
Il-kardinal Daniel DiNardo, President tal-Konferenza fil-bidu tal-laqgħa qara stqarrija li kkritika bl-aħrax l-avviż maħrug mill-Avukat Ġenerali dwar il-kwalifiki meħtieġa biex xi ħadd jingħata l-ażil u qal li dawn ir-regoli ġodda iqajjmu kwestjonijiet dwar id-dritt għall-ħajja.
Il-kundanna tal-Isqfijiet waslet li l-ġimgħa li għaddiet l-Avukat Ġenerali, Jeff Sessions, dawwar deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Appelli dwar l-Emigrazzjoni li tat l-ażil lil mara min El Salvador li f’pajjiżi kienet suġġetta għall-vjolenza domestika. B’hekk l-Avukat Ġenerali dawwar konċessjoni li kienet tat l-amministrazzjoni ta’ Obama li kienet tippermetti li nisa jfittxu ażil fl-Istati Uniti jekk jippruvaw li kienu suġġetti għal abbużi domestiċi.
Il-Kardinal di Nardo qal li “essenzjalment l-ażil hu strument biex iħares id-dritt għall-ħajja. Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali toħloq tħassib serju għax potenzjalment qed tiċħad l-ażil lil ħafna nies li ma għandhomx protezzjoni adegwata. Din id-deċiżjoni twaqqa’ se twaqqa’ diversi preċedenti li taw protezzjoni lil nisa li kienu qed jaħarbu mill-vjolenza domestika. Nappellaw lill-Qrati u lill-politiċi biex jirrispettaw u jsaħħu u mhux inaqqru l-potenzjal tas-sistema tal-ażil tagħna u jipproteġu d-dritt għall-ħajja”.
Il-Kardinal ikkritika wkoll il-politika tal-amministrazzjoni ta’ Trump li trid li jittieħdu pass kontra kull min jaqsam il-fruntiera u jidħol fl-Istati Uniti b’mod illegali u li tissepara tfal li jkunu qed jemigraw mal-ġenituri tagħhom u tifridhom mill-familja. “Il-Gvern Amerikan għandu d-diskrezzjoni li jassigura li t-tfal ma jkunux separati mill-familji u allura esposti għal ħsara irreparabbli. Il-familji huma element fundamentali tas-soċjetà tagħna u għandhom jibqgħu magħquda. Li tissepara lit-trabi minn ommijiethom hu immorali”.