Isqfijiet Amerikani jikkundannaw lis-Senat li ma approvax liġijiet Favur il-Ħajja

Raġel iżomm kartellun Favur il-Ħajja barra mis-Senat Amerikan

Żewġ liġijiet li għandhom l-iskop li jipproteġu t-tarbija mhux mitwieled minn abort meta l-gravidanza tkun avanzata ħafna u oħra biex tipproteġi lil dawk li ħelsuha minn attentat ta’ abort, ma kienux approvati mis-Senat Amerikan.  Għal dan ir-rifjut tas-Senat, l-Isqfijiet Amerikani wieġbu li “pajjiżna hu aħjar minn hekk”.

L-Arċisqof Joseph F. Naumann, Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Konferenza Episkopali Amerikana, fi stqarrija wara d-deċiżjoni tas-Senat qa li: “Illum l-Istati Uniti falliet milli ġġib ‘l quddiem żewġ riformi importanti favur id-drittijiet umani li l-maġġoranza tal-Amerikani jaqblu magħhom”.

Nhar it-Tlieta li għadda, fis-Senat Amerikan kien hemm dibattitu mqanqal ħafna li nfetaħ mis-Senatur Mitch McConnell, Kap tal-Maġġoranza fis-Senat li qal li “illum kull Senatur we jkollu l-opportunità li jieħu pożizzjoni morali ċara”.

Ebda vot

L-ewwl abbozz in kwestjoni hu il-“Pain-Capable Unborn Child Protection Act” li kieku kien approvat kien jagħti protezzjoni legali lit-trabi fil-ġuf wara l-20 ġimgħa tat-tqal u allura kien jipprojbixxi aborti fi stadju avanzat tat-tqala.

It-tieni liġi msejħa “Born-Alive Abortion Survivors Protection Act” għandu l-ħsieb li jsaħħaħ il-protezzjoni legali lil tarbija li titwieled ħajja wara attent ta’ abort li jkun falla u li mingħajr din il-liġi, potenzjalment ikunu suġġett għal infantiċidju.

Għalkemm fis-Senat Amerikan llum hemm maġġoranza Republikana, hemm liġijiet li ma jitħallewx jimxu ‘l quddiem billi b’mod tattiku jittawwal id-dibattitu biex ikun hemm bżonn ta’ maġġoranza ta’ 60 vot biex jittieħed vot fuqhom.

L-ewwel liġi meta ġiet għall-vot ma kinitx approvata għal 7 voti u t-tieni waħda għal 4 voti.

Deċizjoni tal-waħx

Bħalissa l-Istati Uniti hi waħda minn seba’ pajjiżi biss fejn abort wara 20 ġimgħa tat-tqala hu legalizzat. Is-sitt pajjiżi l-oħra huma l-Kanada, iċ-Ċina, l-Olanda, l-Korea ta’ Fuq, Singapore u l-Vjetnam.

Il-perjodu ta’ 20 ġimgħa, ġeneralment hu meqjus bħala żmien li warajh tarbija fil-ġuf tista’ tħoss l-uġiegħ u anke tgħix barra mill-ġuf.

Dwar il-liġi li tipproteġi trabi li jitwieldu ħajjin wara attentat ta’ abort, l-Arċisqof Naumann qal li l-liċenzja biex tinqatel tarbija, ma tkunx estiża wkoll biex jinqatlu trabi li jkunu skansaw ħajjithom minn abort.

“Hu tal waħx, li anke Senatur wieħed, aħseb u ara aktar minn 40 Senatur, jivvutaw biex jitkompla t-tbiċċir brutali ta’ tarbija kważi żviluppata għal kollox u jivvutaw kontra l-protezzjoni ta’ trabi li jsalvaw minn attentat ta’ abort”.

L-Arċisqof temm jgħid li” Pajjiżna hum aħjar minn hekk u l-maġġoranza tal-poplu Amerikan li huma favur dawn iż-żewġ liġijiet għandhom isemmgħu leħinhom”.