Isqfijiet Afrikani jżommu ‘l bogħod minn grupp li qed iwiegħed vjolenza

L-Isqfijiet Kattoliċi fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali ddikjaraw li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ grupp li qed iwiegħed li jiddefendi l-Knisja u jivvendika l-qtil tal-qassisin.

Il-grupp li qed isejjaħ lilu nnifsu Lega għad-Difiża tal-Knisja qed jallega li l-Kardinal Dieudonne Nzapalainga ta’ Bangui baqa’ ma għamel xejn meta l-Knisja kienet attakkat u nqatlu numru ta’ Nsara u qassisin.

Iżda l-Isqfijiet qalu li l-Knisja ma tirrikonoxxix lil dan il-grupp u bl-ebda mod ma hi se tikkollabora miegħu.

“Aħna rridu rispett lejn il-memorja tal-qassisin, in-nisa u l-irġiel li nqatlu fil-qadi tal-impenn tagħhom biex isegwu lil Kristu. Dawn huma nies li jagħmlu unur lill-Knisja u lil pajjiżna li dejjem xtaq jgħix fil-paċi,” qal il-Kardinal Nzapalainga, President tal-Konferenza Episkopali tal-pajjiż.

Fi stqarrija aktar kmieni dan ix-xahar il-Kardinal qal li l-impenn tal-Knisja Kattolika lejn il-ġustizzja u l-għaqda, b’kollaborazzjoni ma’ reliġjonijiet oħra, qed jesponi l-Knisja għal kull tip ta’ theddid u attakki.