Isostni li Tanti qallu li meta mietet Lisa Marie ma qabżux flimkien

Fil-Qorti ntqal li l-eksgħalliem Erin Tanti kien stqarr ma pazjent fl-isptar Monte Karmeli li hu u Lisa Marie Zahra, ma kienux qabżu flimkien mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, dakinhar meta t-tfajla tilfet ħajjitha.
Din id-dikjarazzjoni ntqal fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Erin Tanti.
Il-każ kien seħħ fid-19 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, bit-tfajla tinstab mejta mill-ħaddiema tas-salvataġġ.
L-akkużat kien weġġa’ serjament u kien ingħata l-kura fl-isptar Mater Dei.
Erin Tanti jinsab akkużat fost l-oħrajn li għen lil Zahra tneħħi ħajjitha b’idejha, li pparteċipa f’atti sesswali magħha u li kellu materjal indeċenti ta’ minuri.
Fix-xhieda l-pazjent qal li Tanti kien iddeskrivilu li hu u Zahra ma setgħux jgħixu flimkien f’din il-ħajja u li setgħu jibqgħu flimkien biss wara l-mewt.
Saret talba lill-Qorti biex fis-smigħ li jmiss jixhdu l-fattiga tal-familja Zahra u espert psikoloġiku li jkun jista’ jagħmel analiżi tad-djarju personali tat-tfajla.