Ismijiet uniċi tat-trabi f’Malta ma jistgħux jixxandru

Id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku mhux se jagħti dettalji lill-midja b'ismijiet uniċi tat-tfal, li ntgħażlu mill-ġenituri tagħhom.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għal Identity Malta qalet li ġiet mgħarrfa mill-Kummissarju tad-Data Protection, li minħabba li pubblikazzjoni ta’ lista ta’ ismijiet uniċi f’Malta jfisser proċessar ta’ data personali, persuna tista’ tiġi identifikata indirettament b’referenza għal isimha.
Spjegat li din l-informazzjoni tista’ tingħata biss bil-kunsens tal-ġenituri.
Minkejja dan, kull sena l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jippubblika lista tal-ismijiet l-iktar popolari magħżula għat-trabi ġodda.  
B’rabta ma’ ismijiet uniċi u oriġinali, ix-xahar li għadda l-awtur Trevor Zahra qal ma’ Newsbook.com.mt li għadd ta’ tfal qed jispiċċaw ikunu bbuljati minħabba ismijiet redikoli li jkunu ngħataw.  Fost l-oħrajn semma ismijiet bħal Rodent, Holymary, Ebola u Obeze.