Ritratti: Il-qanpiena ta’ Ħad-Dingli restawrata wara 250 sena

qanpiena Ħad-Dingli restawrata

Il-qanpiena ta’ importanza storika li għandha ‘l fuq minn 250 sena, sena ilu ntbagħtet għand il-kumpanija Soundweld biex isirilha intervent speċjalizzat u delikat.

Il-parruċċani ta’ Ħad-Dingli ċċelebraw il-wasla tal-qanpiena storika aktar kmieni llum waqt li ttellgħet fil-kampnar tal-lemin tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli, Dun Mark Mallia Pawley qal li wara kważi 20 sena nieqsa, il-qanpiena se terġa’ tibda ssemma leħinha għad-daqq tat-tokki tas-sigħat tal-arloġġ u għal użu ieħor relatat mal-liturġija.

Sa 20 sena ilu, il-qanpiena kienet tinsab fil-kampnar tal-knisja ta’ Ħad-Dingli u fuqha kienu jindaqqu t-tokki tas-sigħat tal-arloġġ.

L-istorja tal-qanpiena

Il-qanpiena ġiet manifatturata f’fonderija fl-Ingilterra fl-1762 minn Aloisio Bouchut, imgħallem tal-bronż.  Hu kien Mastru Fonditur tal-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien il-Gran Mastru Emmanuele Pinto de Fonseca.

Il-qanpiena kienet maqsuma, u tentattiv li sar fit-Tarzna ta’ Bormla biex il-qanpiena tiġi salvata ma kienx ħalla riżultati.  Eventwalment, il-qanpiena tilfet il-ħoss tagħha.

Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli fittxet l-assistenza tal-kampanoloġista, Kenneth Cauchi li wara l-istudju u l-ġbir ta’ fondi li sar ippropona li l-qanpiena tintbagħat l-Ingilterra biex tiġi restawrata b’mod professjonali.

ISMA’ t-tokki tal-qanpiena qabel ġiet irrestawrata: