Isma’ b’xejn il-mini album ġdid ta’ Mistura

Id-duo lokali Mistura għadu kif ħareġ mini-album ġdid bl-isem “MMXX”, li bħas-soltu għandu lirika bil-Malti. Apparti l-kanzunetti “Ma Niflaħx” u “Nifs”, li Mistura ħarġu aktar kmieni din is-sena, dan il-mini-album fih tliet kanzunetti ġodda oħra. L-album qiegħed kollu kemm hu fuq Spotify fejn wieħed jista’ jisimgħu b’xejn f’dan il-link.

“Dawn huma kanzunetti li ktibna wara li bdiet il-pandemija, u allura ħsibna li jkun jagħmel aktar sens li naqbdu u noħorġuhom issa ħalli jkunu parti mill-istorja straordinarja ta’ din is-sena. Dan ukoll bit-tama li s-sena d-dieħla tkun waħda differenti u aħjar,” ikkummentaw huma

Mistura ddebuttaw fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom Rock the South, Teatru Unplugged, il-Farsons Great Beer Festival, l-Evenings on Campus, Notte Bianca u Kotra.

Qabel “MMXX” (2020) Mistura ħarġu żewġ studio albums, li huma “U d-Dinja Tkompli Ddur” (2014) u “Regħbus” (2018), flimkien ma’ album live ta’ kunċert fl-2016 bl-isem “U l-Kotra Għajtet f’Daqqa”. Aktar dettalji misturamalta.com.

Dan it-tagħrif twassal minn Mistura.