Isir l-aħħar talb fuq il-21 katavru tal-immigranti

Illum wara nofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lill-katavri li ġew irrilaxxati. Il-kappillan tal-isptar Mater Dei u l-Imam mexxew t-talb fuq l-iġsma tal-immigranti fil-Multi-Faith Room tal-kamra mortwarja ta’ Mater Dei.  
Il-21 katavru ddaħħlu Malta, f’Xatt it-Tiben nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju wara li mietu mgħaffġa abbord dgħajsa bejn il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt li għadda.
Ħafna mill-katavri kienu fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni. Kien għalhekk li l-proċess kien twil għaliex kien jeħtieġ li ssir l-awtopsja u testijiet oħra fuq kull kadavru.