Isir il-funeral tat-tfajla li serqet qalb Għawdex

It-tfajla ta’ 15-il sena li serqet qalb Għawdex, ingħatat l-aħħar tislima lbieraħ filgħaxija.
Jessica Zahra ngħatat merħba mill-isbaħ minn folla kbira ta’ nies li kienu qed jistennew il-wasla tagħha fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali taż-Żebbuġ, Għawdex.
Il-knisja tal-lokalità fejn kienet tgħix kienet ippakkjata bi qraba u ħbieb ta’ Jessica, li kienu lebsin l-abjad.  Oħrajn laqgħu l-istedina tas-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, biex il-ħbieb tagħha jattendu l-funeral bil-flokk tal-festa u jieħdu magħhom fjura b’simbolu taż-żgħożija ta’ Jessica.
Spikkaw ukoll uniformijiet tal-istudenti bniet tal-Konservatorju tal-Isqof fejn kienet tattendi Jessica, li lkoll jiftakruha għall-karattru ferrieħi tagħha.  
F’ambjent ta’ dieqa u sikta profonda, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech tkellem dwar it-toqol tal-ħajja, u ħa spunt mill-Vanġelu tal-jum, fejn Ġesù jgħid: “Il-madmad tiegħi ħelu”.
Mons. Grech spjega x’inhu l-madmad u qal li l-familja u l-ħbieb ta’ Jessica żgur jafu x’piż fih il-madmad bħalissa.
Żied jgħid li l-madmad bilfors ried jintlibes minn żewġ barrin flimkien, u li għalhekk dan hu messaġġ li huma mhumiex waħedhom f’dan il-mument, imma hemm Alla magħhom u anki l-komunità.
Spjega li fil-ħajja faċli wieħed isib ruħu taħt il-madmad, li xi drabi tant ikun tqil, li kapaċi "jmiddna mal-art". Stqarr li l-familja Zahra, bħalissa tinsab taħt il-madmad, minħabba t-telfa għall-għarrieda ta' Jessica.