Ritratti: Raġel ta’ għerf kbir – L-Arċisqof dwar il-Kardinal Grech

Aġġornat 08:50 PM

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva lill-Kardinal Prospero Grech bħala raġel ta’ għerf kbir. Illum sar il-funeral tal-Kardinal Malti fil-Vatikan.

Il-funeral sar fil-Bażilika ta’ San Pietru fuq l-artal ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Kardinal Giovanni Battista Re, il-viċi-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Papa Fraġisku ppresjeda fuq l-aħħar parti tar-rit tal-funeral.

Fl-omelija tiegħu, il-Kardinal Battista Re tkellem dwar l-element ta’ sorpriża li ta’ sikwit tiġi mal-aħbar tal-mewt ta’ xi qarib. Spjega li dan kien l-istess fil-każ tal-Kardinal Grech għax filli kien qiegħed f’diskursata u wara ftit sigħat miet ħabta u sabta.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal lil Newsbook.com.mt li kien hemm għadd ta’ kardinali u isqfijiet preżenti għall-funeral. Spjega li l-Papa bierek il-ġisem tal-Kardinal u ċċensah.

Mons. Scicluna sellem il-memorja tal-Kardinal li ddeskrivieh bħala “raġel ta’ Alla” u “ta’ għerf kbir”.

Il-Kardinal Re qal li Fr Prospero dejjem dab il-ħin li jwettaq ħidma pastorali intensiva fil-Kappella ta’ Santa Monica fejn dejjem kien lest iqarrar. Dan filwaqt li dejjem kien attiv fl-istudju u fit-tagħlim.

Illum uffiċjal mill-Vatikan iffirma ‘rogito’, stqarrija dwar il-ħajja tal-Kardinal.

L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Amminstratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex Mario Grech, Fr Alejando Moral Anton, u Fr Lesli Gatt kienu fost dawk preżenti.

Il-President George Vella, il-Ministru Carmelo Abela, u l-Ambaxxatur Frank Zammit ukoll kienu hemm.

Il-ġisem tal-Kardinal għandu jasal Malta fil-jiem li ġejjin fejn imbagħad issir quddiesa praesente cadavere.

Il-Kardinal Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru tal-1925, kien jifforma parti mill-Ordni Agostinjana u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma. Il-kardinal miet fit-30 ta’ Diċembru.

Kien l-Istituto Patristico Augustinianum ta’ Ruma li ħabbar fuq il-mezzi soċjali l-aħbar li kien miet il-Kardinal Grech li kien ewwel President tal-Istitut. Fi Frar ta’ 8 snin ilu, il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien ħatru bħala t-tieni kardinal Malti.