Isir il-ftuħ tal-Junior Eurovision 2015

Fil-palazz nazzjonali tal-Kultura fil-belt kapitali Bulgara sar il-ftuħ uffiċċjali tal-Junior Eurovision 2015.
Iċ-ċerimonja kienet tikkonsisti fid-daħla tas-17-il parteċipant fuq it-tapit l-aħmar u d-diskors tas-sindku tal-belt.
Destiny ukoll attendiet għas-serata u meta kienet dieħla l-preżentatriċi staqsietha dwar l-emozzjonijiet tagħha u l-messaġġ li trid twassal bil-kanzunetta Not my soul.
Mistiedna ukoll kien hemm numru ta’ kantanti tradizzjonali u popolari mill-Bulgarija.  Waqt is-serata ukoll indaqqet silta minn #together bil-vuċi tal-kantanta Maltija Gaia Cauchi.
Normalment dan isir il-Ħadd ta’ qabel il-festival pero’ minħabba l-luttu fi Franza, l-EBU iddeċidiet li jsir illejla, jumejn wara kif skedat.
L-ordni li fiha se jkantaw it-tfal u l-adolexxenti xorta waħda saret magħrufa nhar il-Ħadd waqt ċerimonja anqas formali bil-għan li l-provi xorta jkunu jistgħu jibdew.
Intant, aktar kmieni matul il-ġurnata Destiny żaret il-Mużew tal-Istorja fil-Bulgarija flimkien mal-kontestanti tal-Bulgarija, l-Albanija, l-Armenja u l-Belarus.