Isir ċensiment tal-attendenza tal-quddies f’Malta

Ilbieraħ u llum sar ċensiment tal-attendenza tal-Quddies fil-knejjes kollha tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Għall-ewwel darba se jsir ukoll studju bbażat fuq kampjun rappreżentattiv tar-residenti f'Malta, li fih mistennija jieħdu sehem mhux biss l-Insara imma wkoll dawk li ma jmorrux il-knisja jew li ma jħaddnux il-fidi Kattolika. 
Iċ-ċensiment qed jiġi organizzat minn Discern, iċ-ċentru ewlieni għar-riċerka fi ħdan il-Knisja.
Dan hu l-ħames ċensiment li qed isir fl-Arċidjoċesi ta’ Malta mill-1967 sal-lum. L-aħħar ċensiment ta’ dan it-tip sar fl-2005. Dakinhar kien sar kemm fl-Arċidjoċesi ta’ Malta kif ukoll fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Din id-darba d-djoċesi ta’ Għawdex għażlet li ma tkunx parti minn dan l-eżerċizzju.
F’dan iċ-ċensiment, dawk li attendew il-quddies u diġà għamlu l-ewwel tqarbina ntalbu jagħtu tagħrif b’mod anonimu dwar il-livell ta’ edukazzjoni, xogħol, età, u tagħrif ieħor.
Iċ-ċensiment isir biex jgħin lill-Knisja f’Malta tagħraf aħjar l-istat tal-attendenza fil-quddies tal-Ħadd.
Flimkien maċ-ċensiment, l-istħarriġ għandu jgħinu biex il-Knisja ttejjeb il-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni.