Isir appell imqanqal biex tinbidel il-liġi dwar iż-żamma bil-ktajjen

L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati (AAA) talbet biex iż-żamma tal-annimali bil-ktajjen issir illegali, wara l-aħħar każ ta’ kelba li kienet fit-tarf li tmut.
L-appell tal-AAA mar direttament lejn is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, biex il-liġi tinbidel.
Fuq Facebook, l-asoċjazzjoni tellgħet ritratti ta’ kelba ta' 8 snin bi ġrieħi serji f’ġisimha, wara li aktarx ġiet attakkata minn annimali oħra, jew forsai nies, meta kienet marbuta.
Jidher li l-kelba ġiet abbandunata mill-familja li kienet iżżommha, u spiċċat marbuta f’razzett, u f’temp ta’ ġimgħa spiċċat f’kundizzjoni ħażina ferm.

Għalkemm il-kelba ġiet salvata minn żewġ nisa, l-AAA qalu li jinsabu rrabjati ħafna lejn dawn in-nies li sempliċiment jaqbdu u jitilqu lill-annimal tagħhom għax ma jkunux iriduh aktar.
Temmew jgħidu li dawn l-istejjer jiġru kuljum, u rreferew għal dik li sejħulha “apatija” mill-awtoritajiet biex jibdlu l-liġi.