“Isimgħu lill-kuxjenza tagħkom, bħal Papa Emeritu” – Papa Franġisku

Waqt l-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Papa Franġisku llum tkellem dwar il-kuxjenza. Huwa qal li din hi hija l-vuċi t’Alla fil-bniedem li wieħed għandu jisma’ sabiex ikun jaf x’inhi l-verità.

Il-Papa Franġisku faħħar lil Papa Emeritu Benedittu XVI li huwa mudell għall-Insara, bħala persuna li ta eżempju f’dan ir-rigward. Hu kien ta widen lir-rieda t’Alla dwar il-pass li kellu jieħu, u dan għamlu b’sens qawwi ta’ dixxerniment u kuraġġ, hekk li ħalla r-rieda t’Alla taħdem f’qalbu.

B’referenza għall-Vanġelu tal-Ħadd, il-Papa Franġisku qal li Ġesù Kristu wkoll ta importanza lill-kuxjenza tiegħu, hekk kif bħala bniedem hu wkoll kellu deċiżjoni x’jieħu. Huwa żied jgħid li l-Insara wkoll għandhom libertà li għandha tkun f’djalogu kontinwu mal-Missier. Qal li jekk Nisrani ma jafx kif għandu jkellem jew jisma’ lil Alla, huwa fil-kuxjenza tiegħu ma jkunx ħieles.

Temm jgħid li Marija wkoll fis-sempliċità tagħha tat widen lill-kuxjenza permezz tal-Kelma t’Alla u dak li kien qed jgħaddi minnu binha.