Isibulu €15,000 moħbija fil-ħwejjeġ ta’ taħt fl-ajruport

Ħidma tad-Dipartiment tad-Dwana wasslet għal sejba ta’ €26,000 fuq passiġġier, bi €15,000 minnhom jinstabu propju fil-ħwejjeġ ta’ taħt tiegħu. It-tfittix sar waqt spezzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Fi stqarrija mid-Dwana ġie spjegat li s-sejba ġiet propju wara li l-kelb bl-isem ta’ Peter dalgħodu indika li passiġġier partikolari jista’ jkun qed iġorr ammont konsiderevoli ta’ flus.

Ir-raġel ta’ nazzjonalita Libjana intalab jgħid kemm kien qed iġorr flus fuqu u skont l-istqarrija rrisponda jgħid li kien qed iġorr €9,000. Madanakollu l-uffiċċjali ddeċidew li jagħmlu tfittxija fil-bagalja tar-raġel minħabba r-reazzjoni tal-kelb. Fl-ewwel tfittxija instabu €11,000 u wara nstabu €15,000 oħrajn fil-ħwejjeġ ta’ taħt tiegħu.

Ir-raġel qed jinżamm taħt arrest sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet, filwaqt li mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.

Intant id-Dwana fakkret li l-passiġieri jistgħu jġorru flus kemm iridu meta jsifru, madanakollu huma mitluba jiddikjaraw jekk l-ammont jaqbeż l-€10,000.