Isibulu 16,000 sigarett, imbagħad iħalli bagalja waħedha b’16,000 oħra

Id-Dwana kkonfiskat 32,000 sigarett tal-kuntrabandu tad-ditta Winston dal-lejl.
Irriżulta li ufiċjali li kienu stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġiehom suspett minn bagalja li kienet ġejja minn Moska, u wara spezzjoni nstab li kien fiha 16,000 sigarett tal-kuntrabandu.
Ir-raġel għand min kienet irreġistrata l-bagalja, Moldovjan, qal li s-sigaretti ma kinux għal Malta iżda għal Spanja, kif fil-fatt ġie kkonfermat minħabba t-titjira li kellu bbukkjata lejn Spanja.
Wara dan l-inċident, jidher li l-uffiċjali raw bagalja oħra li ħadd ma ġabar, u meta spezzjonawha nstabu 16,000 sigarett tal-kuntrabandu ieħor, liema bagalja kienet ukoll tar-raġel.
Huwa ġie arrestat u se jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.