Isibuha diffiċli jaddottaw minħabba l-ispejjeż – L-Arċisqof Cremona

L-Arċisqof Cremona wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li qed jiltaqa’ ma’ familji Maltin li jixtiequ jadottaw, iżda li qed isibuha diffiċli jagħmlu dan minħabba l-ispejjeż kbar li ġġib magħha l-addozzjoni minn pajjiżi barranin.

Waqt laqgħa mal-Ewroparlamentari Laburista Claudette Abela Baldacchino, l-Arċisqof tkellem dwar is-sabiħ tal-addozzjoni ta’ tfal minn pajjiżi li huma miftuħa għall-addozzjoni.

Min-naħa tagħha, Abela Baldacchino tkellmet dwar kif minkejja kull inizjattiva fuq livell Ewropew, xorta waħda madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, r-rata ta’ nies li jgħixu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-2011 kienet tlaħħaq l-24%.

Fl-istess żmien ir-rata ta' tfal li jgħixu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali kienet tlaħħaq il-21.3 %.

Waqt din il-laqgħa, iż-żewġ partijiet qablu li anke fuq livell Ewropew jista’ jitwassal il-leħen ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, fosthom il-ħtiġijiet tal-familji.