Isibu tifla tibki waħedha fit-triq fl-4am

Fil-lejl tal-Milied, żewġ uffiċjali tal-Pulizija, salvaw tifla li lemħu miexja waħedha fuq bankina fl-4.30am.
Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li ż-żewġ pulizija resqu fuq it-tifla, li kienet qed iżżomm pupa, u nnutaw li kienet qed tibki.
Jidher li t-tifla qaltilhom li kienet rieqda fil-karozza ma’ missierha u meta qamet sabet ruħha waħedha.
Ilbieraħ ma kien hemm l-ebda rapport ta’ tifla nieqsa.
L-istess sorsi qalu li l-pulizija bdew ikellmu lit-tifla li spjegatilhom x’karozza kellu missierha. Qaltilhom ukoll fejn joqogħdu.
Il-Pulizija ħadu lit-tifla sa fejn spjegatilhom li kienet il-karozza ta’ missierha, l-aħħar li kienet fiha u sabu l-karozza pparkjata ħdejn bar.
Is-sorsi qalu li ż-żewġ uffiċjali daħlu fil-bar u staqsew jekk kienx hemm xi ħadd li tilef it-tifla.
Kien hawn li ħareġ missierha minn mal-bar imbellah b’dak li kien ġara.