Isibu mowbajl u wara lil sidu: “Fadal nies onesti”

Raġel li tilef il-mowbajl tiegħu li jiswa mas-€700 sebaħ jirringrazzja lir-raġel li sabu u lill-pulizija Għawdxi li ħadem bis-sħiħ sabiex jirritornah. Hu sostna li fadal nies onesti.

Ir-raġel kiteb fuq Facebook li fis-7am, ċertu wieħed George Mercieca, probabbli waqt li kien fi triqtu għax-xogħol, mar l-għassa tax-Xlendi sabiex iħalli mowbajl li kien sab fuq ħajt.

L-uffiċjal tal-Pulizija li ngħata l-mowbajl għamel minn kollox sabiex isib lil sid il-mowbajl. Ir-raġel kiteb li l-Pulizija ra messaġġ dwar id-diving fuq il-mowbajl u minn hemm fittex fuq Facebook lil ħabib tiegħu sabiex jgħidlu li l-mowbajl jinsab l-għassa.

Ir-raġel irringrazzja liż-żewġ persuni li għenuh u wera l-gratitudni tiegħu lejn persuni li jsibu ħin għal ħaddieħor mingħajr ma jitolbu l-ebda rigal ta’ apprezzament lura.