Isibu kartiera barra u jagħmlu xirjiet minn contactless card

Mara rrakkuntat fuq Facebook kif żewġ tfajliet ħallsu xi xirjiet mill-karta tal-kreditu contactless tagħha wara li tilfet il-kartiera.

Fil-post tagħha, spejgat kif l-ewwel iż-żewġ tfaljiet ħallsu żewġ kontijiet minn ħanut tal-ikel f’Birkirkara, wieħed ta’ €5 u ieħor ta’ €5.10. Qalet li wara li tkellmet mas-sidien tal-ħanut saret taf li l-kaxxiera kienet staqsieta għall-pin tal-karta tal-kreditu u wiċċha ħmar għax ma kinitx tafu. Tenniet li kieku s-sitwazzjoni kienet bil-kontra, hi kienet tieħu l-kartiera li ssib l-għassa tal-Pulizija mingħajr ma tieħu flus jew dokumenti minnha.

Kompliet tgħid li mbagħad saret xirja oħra, din id-darba ta’ €17.97 minn spiżerija f’Ħ’Attard. Qalet li tittama li l-affarijiet li xtraw kienu verament bżonnjużi. Semmiet ukoll li fil-kartiera li hija sewda, kien hemm €50 li ħadmet ħafna għalihom.

Il-mara talbet sabiex dawn jirritornaw il-kartiera tagħha bl-affarijiet kollha l-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara, inkella jimpustawhiela fil-letter box ladarba għandhom il-karta tal-identità tagħha. Sostniet li dawn jistgħu jikbru u jiftakru fil-jum bħala dakinhar li serqu flus ħaddieħor, jew inkella l-jum li fih iddeċidew li jbiddlu sitwazzjoni ħażina għal waħda tajba billi jirritornaw dak li ħadu.