Isibu għadma umana f’kalzetta fi Primark; “m’hemmx kriminalità”

Biċċa għadma żgħira umana li nstabet f’par kalzetti minn klijent fi Primark mhux qed tiġi konnessa ma’ xi kriminalità.

Is-sejba li seħħet f’ħanut f’Colchester f’Diċembru li għadda ġiet irrappurtata lill-Pulizija f’Essex f’Jannar u qed jingħad li din hija parti minn għadma fis-swaba.

Ġurnali Ingliżi qed jgħidu li l-Pulizija qalet li investigat sa fejn kien raġjonevoli u possibbli. Qalet li bħalissa, mhux qed tagħmel xi konnessjoni ma’ xi reat kriminali. Qalet li hemm ċans li l-għadma tpoġġiet fil-kalzetta fil-pajjiż fejn ġiet manifatturata l-kalzetta, iżda dan ma jistax jiġi kkonfermat b’mod assolut.

Il-Pulizija qalet li li jidher li din ma kinitx riżultat ta’ xi trawma riċenti u ma kienx hemm ġilda jew laħam imqabbad magħha. Intant qalet li jekk jiġu mgħarrfa b’aktar informazzjoni dwar il-każ, dan jerġa’ jiġi revedut.