Isibu dingi, mutur u mqass u dlonk għal għand il-pulizija

29 mowbajl, 8 kameras diġitali, 4 iPads u 4 iPhones kienu fost il-181 oġġett li nstabu bejn Lulju u Diċembru tal-2013, u ġew mgħoddija lill-pulizija ta’ Malta u Għawdex.
Mil-lista li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern jirriżulta li 91 oġġett instabu f’Malta u 90 f’Għawdex. F’Malta l-aktar oġġetti li ttieħdu fl-għasses tal-pulizija kienu mowbajls fosthom smartphones,  filwaqt li f’Għawdex kienu kartieri, portmonijiet u flus.
Oġġetti oħra li spikkaw fil-lista kienu 3 dingis wieħed bil-mutur, ornament tal-ħġieġ, kindle, SD cards, żewġ DVD players, par slippers, żewġ laptops, u mqass.
Instabu wkoll ġojellerija, trombi, basktijiet, torċ, mediċina, kotba, mp3 player, charger, ħwejjeġ u żraben, radju li jintuża fuq il-baħar, roti, nuċċalijiet,  bastun, stikka tal-billiard, ċwievet u pushchairs.
L-aktar xahar li fih instabu oġġetti f’Malta kien dak ta’ Awwissu b’26 oġġett, filwaqt li f’Għawdex kien il-perjodu bejn Lulju u Settembru b’25 oġġett. F’Malta l-inqas xahar li fih instabu oġġetti kien Diċembru bi 8 oġġetti.