Isib ruħu fi ktieb ir-raġel li ra Malta tinbidel

Il-ħajja pubblika tal-Avukat Herbert Ganado, ir-raġel li ra Malta tinbidel ġiet diskussa fi ktieb mis-sensiela Bejn Storja u Miti li qed jeditja Sergio Grech.
Il-ktieb jistħarreġ punti li qajjem iż-Żejtuni u sostenitur qawwi tat-Tabib Pawlu Boffa, Walter Żahra, f’ittra li kiteb f’Lulju 1960, fejn sostna li Ganado qabel it-Tieni Gwerra kien membru ma’ dik il-fazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, li kienu favur li Malta ssir parti mill-Italja.
L-ittra tkompli tgħid li Ganado kien ammiratur ta’ Benito Mussolini u fi żmien il-gwerra kien internat l-Uganda.  Dawn it-tendenzi, skont Żahra, kienu spiċċaw għal kollox f’Herbert tal-1960 u dik il-ħabta Ganado kien jemmen li Malta kellha tibqa’ fil-Commonwealth Ingliż. Fl-ittra, Żahra jiddubita kemm Ganado seta’ jkun mexxej nazzjonali.
L-istorja ta’ dan il-ktieb bdiet fil-25 ta’ April 2005 meta Poeżijaplus organizzat konferenza li għarblet l-impatt ta’ Herbert Ganado fil-pajjiż. F’dik il-konferenza, li kienet ippreseduta mill-Professur Henry J. Frendo, ħadu sehem diversi kelliema: Carmelo Abela, Carmel Cassar, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Paul Saliba, Piju Spiteri u Martin Vella.
Il-lista l-ġdida tinkludi lil Dr Tonio Borg, Noel D’Anastas, Speaker Emeritus Anton Tabone, Max Farrugia, Emily Barbaro-Sant, Professur Oliver Friggieri,  Dr Simon Mercieca, Giorgio Peresso, L-Imħallef Rtirat Giovanni Bonello, Monsinjur Charles G. Vella u Dr Charles Xuereb.  
Din il-pubblikazzjoni tad-dar tal-kotba Horizons qed issegwi ż-żewġ volumi mis-sensiela Bejn Storja u Miti dwar Duminku Mintoff u Monsinjur Victor Grech.