Ishma fir-Renju Unit fl-ogħla livell

L-ishma fir-Renju Unit telgħu fl-ogħla livell għal dawn l-aħħar tliet xhur. Dan grazzi għall-imbuttattura ’l fuq mogħtija mill-banek Ingliżi hekk kif din il-ġimgħa tħabbar li l-akbar seba’ banek kollha għaddew l-istress tests tal-Bank of England.
Dawn it-testijiet, li saru ferm aktar iebsin wara l-kriżi finanzjarja tas-snin li għaddew,  jikkonfermaw il-qagħda finanzjarja b’saħħitha u stabbli ta’ dawn il-banek.
Fost l-akbar żidiet, Barclays u Lloyds raw l-ishma tagħhom jiżdiedu b’aktar minn 2.5%, b’volum ta’ aktar minn 45% ogħla mill-medja tat-tletin jum ta’ qabel.
HSBC, il-bank bl-aktar preżenza b’saħħitha fuq il-FTSE100, ra l-ishma tiegħu jiżdiedu b’1.8%.
Riċessjoni qawwija għall-Brażil
L-ekonomija tal-Brażil ċkienet b’rekord ta’ 4.5% fuq is-sena li għaddiet fit-tielet kwart ta’ din is-sena.
Dan ikkonferma t-tħassib li l-akbar pajjiż fl-Amerika t’Isfel riesaq lejn l-agħar riċessjoni tiegħu għal deċennji kbar.
Sa ftit snin ilu, il-Brażil kien qed jesperjenza fost l-akbar tkabbir fir-reġjun b’rata tal-qgħad taħt il-5%. Madankollu, il-Gvern Brażiljan immexxi mix-Xellugija Dilma Rousseff, spiċċa vittma ta’ skandli u nfiq eċċessiv fl-aħħar snin, tant li tella’ defiċit ta’ kważi 10% tal-Prodott Gross Domestiku.
Dan wassal biex il-Gvern ma kellux triq oħra ħlief li jieħu miżuri iebsa ta’ awsterità li wasslu biex il-qgħad kważi rdoppja f’sena u l-għoli tal-ħajja sploda għal 10% għall-ewwel darba mill-2002.
Aktar minn hekk, il-pajjiż safa’ milqut minn skandli finanzjarji kbar tant li fl-aħħar jiem ġie arrestat il-bankier biljunarju André Esteves, kap eżekuttiv tal-bank ta’ investiment BTG Pactual.
Dan it-tnaqqis fir-rendiment ekonomiku kien saħansitra ikbar mill-previżjonijiet tal-analisti tal-Uffiċċju Brażiljan tal-istatistika.
Dan l-andament negattiv qed ikompli jpoġġi pressjoni qawwija fuq il-President Rousseff, li qed tipprova timplimenta aktar miżuri ta’ awsterità b’għadd ta’ deputati jsejħu biex din titneħħa mill-kariga tagħha permezz ta’ proċedura ta’ impeachment.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment