“Isem Malta mżeblaħ għall-interess ta’ ftit kriminali” – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li isem Malta qed jiġi mżeblaħ għall-interess ta’ ftit kriminali organizzati minħabba li fl-aħħar snin ħassewhom komdi jagħmlu negozju minn Malta.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario De Marco qal dan fi stqarrija li fiha l-PN tkellem dwar id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jirtira l-liċenzja tal-bank Satabank. Il-PN qal li dan seħħ wara l-konklużjoni ta’ investigazzjonijiet li damu għaddejjin kważi sentejn fejn, kif suspettat, instab li miljuni kbar fi tranżazzjonijiet suspettużi bidlu l-idejn f’attivitajiet kriminali.

Intqal li kien ikun aħjar li kieku attivitajiet suspettużi jinżammu kemm jista’ jkun ‘il bogħod minn Malta minflok jitħallew iwaqqfu l-ħidma tagħhom b’riskju għar-reputazzjoni ta’ Malta. Il-PN sostna li dan huwa ta’ riskju wkoll għad-depożitaturi ġenwini Maltin li minkejja li ma nvolvew ruħhom f’ebda attivitajiet illeċiti, tilfu aċċess għal flushom waqt li l-investigazzjonijiet kienu qed jieħdu l-kors tagħhom.

De Marco saħaq li l-Gvern għandu immedjatament jassigura li l-ġurisdizzjoni Maltija terġa’ tikseb ir-rispett mistħoqqa mill-komunità internazzjonali biex ikun jista’ jkompli jiżviluppa s-settur tas-servizzi finanzjarji.