Isem il-Kardinal Wuerl vandalizzat fi skola

Il-Kardinal Donald Wuerl - akkużat li ħeba abbużi sesswali minn saċerdoti

Skola Kattolika msemmija għall-Kardinal Donald Wuerl, aktar kmieni din il-ġimgħa sfat vandalizzata wara li dan il-Kardinal kien kritikat bil-kbir għall-mod kif ittratta l-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti waqt li kien Isqof ta’ Pittsburgh.

Isem il-Kardinal fuq il-faċċata tal-iskola Cardinal Wuerl North Catholi Jigħ School, iċċappas b’żebgħa ħamra.

Il-Pulizija qalu li fis-7.00 a.m. irċivew telefonata li t-tabella tad-dħul tal-iskola iċċappset biż-żebgħa fuq iż-żewġ naħat tagħha.

Dan il-vandaliżmu seħħ meta fil-lokalità hemm sejħa biex l-iskola tibdel isimha u tneħħi isem il-Kardinal Wuerl mill-isem. Petizzjoni biex issir din il-bidla għanda aktar minn 7,000 firma.

Id-djoċesi ta’ Pittsburgh għadha ma ħaditx deċiżjoni dwar din il-bidla.  Il-Prinċipal tal-Iskola qal li se ssir laqgħa apposta biex tkun kunsidrata din it-talba.  Ir-rakkomandazzjonijiet għal isem ġdid għandhom jgħaddu għand kumitat li jieħu ħsieb l-iskejjel kattoliċi tad-djoċesi u fl-aħħarnett id-deċiżjoni tkun tal-Isqof ta’ Pittsburgh, David Zubik.

L-iskola sfat vandalizzata wara li rapport ta’ 884 paġna sab li fuq medda ta’ 70 sena, aktar minn 1,000 persuna kienu abbużati minn 300 qassis f’sitt djoċesijiet f’Pennsylvania, fosthom Pittsburgh.

Ir-rapport iqajjem mistoqsijiet serji dwar il-mod kif Wuerl każi ta’ abbużi bejn l-1988 u l-2006 fiż-żmien li hu kien Isqof ta’ Pittsburgh. Fost l-oħrajn awtorizza t-trasferiment u ħalla qassis li kien akkużat li wettaq abbużi sesswali fuq tfal, iservi bħala saċerdot fid-djoċesi.

Wuerl, li bħalissa jmexxi d-djoċesi ta’ Washington ċaħad li kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet meta awtorizza t-trasferiment tal-qassis imsemmi. Imma xorta għad fadal mistoqsijiet dwar kif aġixxa f’dan il-każ partikolari u każi oħra.

Dan l-aħħar il-Kardinal iffaċċja mistoqsijiet dwar dak li kien jaf dwar l-allegat mġieba sesswali tal-predeċessur tiegħu bħala Arċisqof ta’ Washington, dak li kien il-Kardinal Theodore McCarrick. Fl-aħħar xhur McCarrick kien akkużat li b’mod ripetut abbuża sesswalment minn żewġ subien adoloxxenti u li għal snin twal attakka sesswalment seminaristi u qassisin żgħażagħ.

Wuerl qal li ma kellu ebda rapporti dwar dan jew dwar rapporti ta’ mġieba sesswali abbużiva minn McCarrick.