Isellem lill-ħaddiema minn tliet sulari għoli

L-akbar installazzjoni artistika permanenti f’Malta, li hija tifkira ta’ aktar minn 60 sena ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa, se tiġi inawgurata nhar il-Ħamis li ġej.
Fi stqarrija, l-Enemalta plc qalet li l-inawgurazzjoni tal-mafkar li jinsab fi Triq Belt il-Ħażna biswit il-Power Station tal-Marsa, se tibda fis-7.30pm.
L-installazzjoni għolja tliet sulari ssellem lill-ħaddiema li bnew, ħadmu, irranġaw u żammew fi stat tajjeb it-turbini u l-boilers ta’ dan l-istazzjon sa mill-1953.
Waqt l-inawgurazzjoni se jkun hemm wirja ta’ ritratti li ttieħdu fil-Power Station tal-Marsa mill-istudenti tal-fotografija tal-MCAST.
Fl-2016, Enemalta plc stiednet lill-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva biex iżuru l-istazzjon tal-Marsa u joħolqu installazzjoni artistika bl-użu ta’ diversi biċċiet tal-apparat li jinsab fl-istess stazzjon. 
Ritratt: Enemalta plc