Aġġornata (1): Tnejn jinqatlu wara sparatura fl-Ambaxxata Iżraeljana fil-Ġordan

Żewġ persuni nqatlu wara sparatura fuq l-Ambaxxata Iżraeljana fil-kapitali Ġordaniża, Amman,tard ilbieraħ filgħaxija.
Minkejja li l-awtoritajiet għadhom ma’ ħarġux dettalji, ġurnalist tal-BBC fuq il-post tax-xena qal li l-inħawi jinsabu ssorveljati u magħluqa għall-pubbliku.
Skont rapporti mill-midja internazzjonali, żewġ Ġordaniżi li kienu qed jaħdmu fl-ambaxxata tilfu ħajjithom.
L-awtoritajiet Iżraeljani evakwaw l-ambaxxata minnufih.
L-ambaxxata tinsab fl-inħawi ta’ Rabiyeh, parti sinjura mill-belt ta’ Amman.
Dan l-attakk seħħ jumejn biss wara l-protesti minn eluf ta’ Ġordanizi kontra t-twaħħil ta' apparat biex jagħraf il-metall fil-moskea ta' Al Aqsa f'Ġerusalemm, sit li huwa qaddis kemm għall-Musulmani kif ukoll għal-Lhud.
Dil-moskea magħrufa mal-Musulmani bħala Haram al-Sharif, u mil-Lhud bħala l-Muntanja tat-Tempju.
Sadanittant, l-awtoritajiet Iżraeljani mhumiex jikkummentaw dwar l-inċident.
Ħafna mis-7 miljun ċittadin fil-Ġordan huma ta' oriġini Palestinjana, wara li l-ġenituri tagħhom kienu minn tal-ewwel ġenerazzjoni li tkeċċew mill-Palestina waqt il-ġlied li ra l-istat tal-Iżrael jifforma ruħu fl-1948.
Fir-ritratt: protesti kontra l-Iżrael jumejn ilu wara r-restrizzjonijiet fil-moskea ta' Al Aqsa f'Ġerusalemm