Isegwi persuna f’Ħaż-Żabbar; jispiċċa b’idu miksura

Pulizija tal-immigrazzjoni spiċċa b’idu miksura wara li lbieraħ avviċina persuna f’Ħaż-Żabbar li x’aktarx kien immigrant irregolari.

Fuq Facebook l-Ispettur Sandro Camilleri qal li malli PC 1572 Eman Cilia avviċina l-immigrant irregolari, dan waddablu xi trab ġo għajnejh u ħarab. L-istess kuntistabbli, minkejja bi ħruq f’għajnejh, ipprova jsegwih xorta iżda waqt li kien qed jagħmel dan intlaqat minn xi vann u sofra ksur f’idu.

Spjega li bħalissa qed isirulu testijiet biex jaċċertaw jekk dan għandux bżonn jiġi operat jew le.

Camilleri, li jiġi wkoll il-President tal-Union tal-Pulizija (POU-GWU) qal li l-union se tkun qed tagħti l-assistenza kollha lill-membru tagħha filwaqt li awguralu fejqan ta’ malajr.

Min-naħa tiegħu, il-Kuntistabbli kiteb fuq Facebook li issa jinsab lura d-dar. Qal li jinsab muġugħ filwaqt li talab lil kull min jista’ sabiex jgħid talba għalih forsi ma jkollux bżonn jagħmel l-operazzjoni nhar it-Tnejn li ġej.